L-FBI fl-Istati Uniti mhix se tirrakkmanda biex jitressqu akkużi kriminali fil-konfront ta’ Hillary Clinton dwar il-mod kif hi użat is-sistema għall-emails privata, fi żmienha bħala Segretarju tal-Istat Amerikan.
Id-Direttur tal-FBI, James Comey, tenna li ‘l-ebda prosekutur b’sens ta’ raġuni’ mhu se jinsisti fuq każ ta’ prosekuzzjoni fiċ-ċirkustanzi. Madankollu, Comey sostna li Clinton – il-favorita netta għan-nomina tal-Partit Demokratiku biex tikkuntesta għall-White House — kienet ‘ferm ittraskurata’ waqt l-użu ta’ informazzjoni klassifikata.
Min-naħa tiegħu, Donald Trump, il-kandidat Repubblikan li, f’Novembru, jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti, ma qabilx mad-deċiżjoni tal-FBI li fisser bħala ‘mhix xierqa’. Trump qed jgħid li l-mod kif Clinton użat l-email privat tagħha ‘kien qed jikkomprometti s-sigurtà nazzjonali’
Hillary Clinton, qabel, sostniet li fi żmienha bħala Segretarju tal-Istat ma ntbagħtu l-ebda emails immarkati ‘klassifikati’ mill-kont personali tagħha. Iżda l-FBI sabet ‘il fuq minn 100 email klassifikati (għal dak iż-żmien) fuq is-servers ta’ diversi email chains.
Hillary Clinton u l-President tal-Istati Uniti Barack Obama, fil-preżent, qed imexxu l-kampanja elettorali tal-Partit Demokratiku fl-Istat ta’ North Carolina
//= $special ?>