Internazzjonali

Juncker jerġa’ jattakka lill-awturi tal-Brexit

epa05064864 European Commission president Jean-Claude Juncker chats with Journalists as he waits for Danish Prime Minister Lars Lokke Rasmussen and EU council President Donald Tusk, prior to a meeting at European council in Brussels, Belgium, 11 December 2015. EPA/OLIVIER HOSLET

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, reġa’ kellu kliem iebes għall-attivisti ewlenin li ħarġu bħala protagonisti fil-kampanja biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Juncker, waqt diskors lill-Parlament Ewropew fi Strasbourg, akkuża lil Boris Johnson, li sa ftit ilu kien is-Sindku ta’ Londra, u Nigel Farage li għadu kemm irriżenja minn Kap tal-UKIP, li huma qabdu u telqu ‘il hinn ladarba raw li kienu qed jiffaċċjaw sitwazzjoni diffiċli.

Id-deputati tal-Parlament Ewropew huma ddispjaċuti bir-riżultat tar-referendum fejn il-Britanniċi għażlu li jispiċċaw mill-UE u Juncker sostna li l-hekk imsejħa ‘eroj tal-Brexit illum qegħdin jiffaċċjaw ir-realtà ta’ għemilhom’. Juncker sostna, b’referenza għal Johnson u Farage, li min hu tassew patrijott ma jaqbadx u jirriżenja malli l-affarijiet isiru diffiċli, iżda jibqa’ jżomm mal-pożizzjoni tiegħu.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea kompla, waqt id-diskors, li ma jifhimx għalfejn is-sostenituri tal-Brexit fir-Renju Unit iridu jistennew qabel jibdew il-proċess formali biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Boris Johnson irtira jiem ilu mit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv wara li kien ikkunsidrat bħala favorit biex jieħu post il-Prim Ministru David Cameron. Fl-istess ħin, Nigel Farage, li kellu diversi konfronti ma’ Juncker fil-Parlament Ewropew, irriżenja mit-tmexxija tal-UKIP fost kummenti li ‘hu ried jieħu ħajtu lura’. Farage tenna wkoll li hu laħaq l-ambizzjoni politika tiegħu, fejn irnexxielu jqabbad ir-Renju Unit fit-triq biex itemm is-sħubija ta’ snin mal-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru tal-Olanda, Mark Rutte, qal lill-MEPs fi Strasbourg li l-vot għall-Brexit kien wieħed ‘sfortunat ħafna’ għar-Renju Unit. Rutte qal li r-Renju Unit, illum, ‘ikkrolla minn lat politiku, ekonomiku, finanzjaru kif ukoll minn aspett kostituzzjonali’ u li l-Britanniċi ‘fadlilhom is-snin biex joħorġu minn dan it-taqlib kollu’.

Ir-referendum dwar il-Brexit wassal għal kaos politiku u ekonomiku fir-Renju Unit, fejn il-lira Sterlina niżlet għall-inqas livell f’31 sena fil-konfront tad-dollaru Amerikan. Dan fost l-inkwiet persistenti li r-Renju Unit riesaq lejn riċessjoni oħra.