Internazzjonali

L-Awstrija: Lejn elezzjoni Presidenzjali ġdida fit-2 ta’ Ottubru

Il-Kanċillier tal-Awstrija, Christian Kern, qal li l-elezzjoni għall-Presidenza tal-pajjiż se ssir mill-ġdid fit-2 ta’ Ottubru. Id-data għad trid tkun ikkonfermata mill-Parlament ta’ Vienna iżda dan qed jitqies biss bħala formalità.

Il-vot tat-22 ta’ Mejju spiċċa annullat, il-ġimgħa l-oħra, wara sfida legali min-naħa tal-Partit tal-Ħelsien. L-istess partit estremista tal-lemin insista li voti li kienu ntbagħtu bil-posta kienu tmexxew b’mod illegali u mhux xieraq.

Il-kandidat tal-Partit tal-Ħelsien, Norbert Hofer, spiċċa jitlef l-elezzjoni bi żbrixx fil-konfront tal-eks Kap tal-Partit tal-Ħodor, Alexander Van der Bellen. Fil-fatt, Hofer kien spiċċa b’distakk ta’ anqas minn punt perċentwali wara r-rivali tiegħu.

Intant, il-Partit tal-Ħelsien ressaq, b’suċċess, l-isfida legali dwar ir-riżultati li nstemgħet mill-Qorti Kostituzzjonali, li hi l-ogħla qorti tal-Awstrija. Dan il-partit, waqt ġimgħatejn ta’ smigħ, insista li l-voti li ntefgħu bil-posta kienu suġġetti għal irregolaritajiet f’xi 94 fost 117 il-distrett.