Lokali

L-omiċidju ta’ Eleanor Mangion Walker: x’nafu s’issa?

Il-Pulizija għadhom għaddejjin bit-tfittxija għal Andrew Mangion, l-eks raġel ta’ Eleanor Mangion Walker, li l-Ħadd li għadda nstabet mejta f’għadira demm f’maħżen fil-limiti ta’ Ħal Qormi.

Eleanor instabet mejta l-Ħadd filgħaxija wara ‘tip off’ lill-Pulizija. Skont informazzjoni maħruġa mill-Pulizija, l-omm ta’ 33 sena, inqatlet b’daqqiet f’rasha b’oġġett iebes.

Aktar: Mara ta’ 33 sena tinqatel u tinstab f’maħżen

Għalkemm fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija jintqal li l-eks-raġel ta’ Eleanor qed jiġi mfittex biex ikun jista’ jgħin fl-investigazzjonijiet, rapporti fil-media qed jikkwotaw sorsi qrib il-Pulizija li qed jgħidu li r-raġel seta’ kellu involviment fil-qtil tal-mara.

Eleanor Mangion Walker instabet mejta f’maħżen li ma jintużax fi Triq il-Kummerċ fil-limiti ta’ Ħal Qormi. Il-Pulizija kellhom jiftħu l-maħżen li kien imsakkar biex setgħu daħlu fih biex hemmek sabu l-katavru tal-mara. Kollox jindika li Andrew Mangion, l-eks-raġel ta’ Eleanor, kellu ċavetta tal-maħżen fejn il-mara nstabet mejta.

Sadanittant, Andrew Mangion, li jaħdem bħala handyman, għadu qed jiġi mfittex mill-Pulizija, li qed jappellaw għall-għajnuna tal-pubbliku biex jinstab. Jistgħu jsiru telefonati anonimi fuq in-numri 119, 21224001 jew inkella l-Għassa ta’ Ħal Qormi fuq 22942378 jew 21446133.

andrew-mangion

Ritratt: Andrew Mangion, l-eks-raġel ta’ Eleanor, li qed jiġi mfittex mill-Pulizija minħabba suspetti li seta’ kien involut fil-qtil tal-eks-mara tiegħu.

Għal dawn l-aħħar xhur, Eleanor, li hija wkoll omm ta’ tifla ta’ 9 snin, kienet f’relazzjoni ma’ Rikky Pace. Ilbieraħ, NETnews.com.mt ippubblika storja bid-dettalji dwar l-aħħar ħarġa ta’ Eleanor ma’ Rikky.

Aktar: Il-vittma dehret l-aħħar nhar il-Ġimgha – Is-sieħeb tal-vittma jgħid li jinsab bla kliem

Minkejja r-relazzjoni ma’ Rikky, Eleanor kienet baqgħet tgħix taħt l-istess saqaf mal-eks-raġel tagħha Andrew Mangion. Huma kienu żżewġu fl-2009 iżda r-relazzjoni ta’ bejniethom intemmet xi snin ilu. Kollox jindika li Andrew, l-eks-raġel ta’ Eleanor, kien jaf b’din ir-relazzjoni bejn l-eks-mara tiegħu u Rikky.

Sadanittant, apparti tfittxija għall-eks-raġel ta’ Eleanor, il-Pulizija diġa interrogat numru ta’ persuni bil-għan li tipprova tikseb kemm jista’ jkun dettalji li jistgħu jagħtu stampa aħjar dwar x’wassal biex il-mara nqatlet kiesaħ u biered.

Dan hekk kif skont rapporti fil-media, jista’ jkun ukoll li l-qtil ma’ seħħx ġol-maħżen fejn il-mara nstabet mejta, iżda f’xi post ieħor. Sezzjonijiet oħra tal-media qed jirrappurtaw li min qatel lil Eleonor Mangion Walker, allegatament talab l-għajnuna biex iġorr xi oġġetti tqal lejn il-maħżen. Madanakollu, l-ebda minn dawn m’huma kkonfermati.

Filfatt, kollox jindika li l-Pulizija mhux se tkun qed torganizza ‘crime conference’, kif normalment isir f’każijiet ta’ omiċidji. Dan kien ikkonfermat minn kelliem għall-Pulizija ma’ NETnews.com.mt.

eleanor

Ritratt: Eleanor Mangion Walker, li nqatlet fl-aħħar jiem. Eleanor kienet taħdem bħala terapista tas-sbuħija u ‘make-up artist’ fuq bażi ‘part-time.