Il-Bank Ċentrali Ewropew ippreżenta għall-ewwel darba l-karta l-ġdida tal-€50, li se toħroġ fl-idejn fl-4 ta’ April 2017.
L-introduzzjoni tal-karta l-ġdida hija l-aħħar minn sensiela ta’ passi biex il-karti tal-euro jkunu aktar siguri. Wara l-€5, l-€10 u l-€20, il-karta tal-€50 hija r-raba’ denominazzjoni tat-tieni sensiela ta’ karti tal-euro, magħrufa bħala s-sensiela Europa.
Il-€50 hija l-karta tal-euro li tintuża l-iżjed u tgħodd 45% tal-karti kollha tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Hemm iżjed karti tal-€50 fl-idejn milli karti tal-€5, €10 u €20 flimkien. L-għadd tal-karti tal-€50 fiċ-ċirkolazzjoni huwa wkoll kważi daqs l-għadd totali tad-denominazzjonijiet kollha fiċ-ċirkolazzjoni fi tmiem l-2002, is-sena meta l-karti u l-muniti tal-euro ħarġu fl-idejn.
Il-karta l-ġdida tal-€50 fiha “tieqa bil-wiċċ” – karatteristika ġdida u innovattiva li ntużat għall-ewwel darba fil-karta tal-€20 tas-sensiela Europa. Meta żżomm il-karta tal-flus kontra d-dawl, f’tieqa trasparenti fin-naħa ta’ fuq tal-ologramma tfiġġ xbieha ta’ wiċċ Europa, figura tal-mitoloġija Griega, li tidher miż-żewġ naħat tal-karta.
L-istess xbieha tidher ukoll fil-watermark. Fuq in-naħa ta’ quddiem tal-karta tal-flus hemm “numru aħdar żmerald”, numru jleqq li meta tmejjel il-karta jibdel il-kulur minn aħdar żmerald għal blu skur u juri effett tad-dawl li jidher miexi ’l fuq u ’l isfel. Permezz tal-metodu “ħoss, ħares u mejjel” malajr tista’ tiċċekkja jekk il-karta l-ġdida tal-€50 tkunx awtentika, bis-saħħa ta’ dawn il-karatteristiċi ta’ sigurtà.
//= $special ?>