Fl-aħħar sentejn, it-Taqsima tal-Forensika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija kienet involuta f’madwar 3,300 każ. Dan ħareġ minn żjara li saret fid-Dipartiment tal-Forensika f’Ta’ Kandja, mill-Ministru tal-Intern Carmelo Abela.
F’dan id-Dipartiment hemm 48 membru, li minn żmien għal żmien jingħataw taħriġ biex dejjem ikunu aġġornati max-xjenza u t-teknoloġija, hekk kif min iwettaq reat kriminali dejjem qed isir aktar espert.
Taqsima importanti fil-Forensika hi l-Unit li tieħu ħsieb xeni ta’ delitti, fejn bħalissa qed isir taħriġ mill-Istitut Olandiż tal-Forensika bir-rappreżentant tiegħu f’pajjiżna Marcel Van Beest. It-taħriġ qed jiffoka fuq fotografija tax-xena tar-reat kriminali u l-analiżi tad-demm fix-xena tad-delitt.
Fl-aħħar ħames ġimgħat, 12-il Investigatur tax-Xena tar-Reat u żewġ Crime Scene Managers qed jingħataw taħriġ intensiv ta’ 8 sigħat kuljum fuq metodoloġija ġdida dwar kif iġibu ruħhom u għalhekk x’jagħmlu f’xeni tar-reat kriminali, fosthom delitti.
Id-Dipartiment tal-Forensika din is-sena mistenni jirċievi apparat ġdid li se jkompli jgħin fil-ħidma tal-Pulizija ħalli dejjem jiżdied iċ-ċans li ssir ġustizzja mal-vittma.
//= $special ?>