Il-Prim Ministru tal-Awstralja, Malcolm Turnbull, qal li jaċċetta responsabbiltà sħiħa għall-kampanja elettorali tal-aħħar ġimgħat li ħallietu f’xifer li jitlef il-poter.
Sadanittant, fl-Awstralja kompla l-għadd tal-voti mill-elezzjoni ġenerali ta’ tmiem il-ġimgħa meta r-riżultat kien għadu imprevedibbli. Madankollu, Turnbull hu fiduċjuż li jikseb is-siġġijiet neċessarji biex jifforma Gvern ta’ maġġoranza.
L-Uffiċċju ta’ Turnbull anki ċaħad l-akkużi tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Bill Shorten, fis-sens li Turnbull jista’ qed jaħseb biex jorganizza elezzjoni oħra bikrija f’każ ta’ riżultat mhux ċar.
L-Awstralja qed tiffaċċja l-prospett ta’ Parlament fejn l-ebda partit jew alleanza politika ma jkollhom maġġoranza assoluta ta’ siġġijiet. Dan f’każ li l-ebda miż-żewġ partiti ewlenin ma jirnexxilu jikseb il-kwota ta’ 76 siġġu. Skont l-aħħar rapporti, kien għad fadal 10 siġġijiet fid-dubju, f’ħin meta laħqu għaddew kważi 80 fil-mija tal-vot.
Skont l-analiżi tal-Australian Broadcasting Corporation, il-koalizzjoni Liberali-Nazzjonali fil-Gvern tista’ tikseb 68 siġġu kontra xi 67 għal-Laburisti fl-Oppożizzjoni.
//= $special ?>