Internazzjonali

Wara l-Brexit…It-Tories jibdew jagħżlu Kap

Id-deputati parlamentari tal-Partit Konservattiv bdew il-proċess biex jagħżlu l-Kap ġdid u Prim Ministru tar-Renju Unit. Dan waqt li għaddej l-ewwel round tal-votazzjoni, bis-Segretarju għall-Intern, Theresa May, tidher li għandha l-appoġġ tal-akbar numru ta’ deputati.

Il-Ministru għall-Enerġija, Andrea Leadsom, Michael Gove, Stephen Crabb u Liam Fox ukoll qed jittamaw li jieħdu t-tmexxija tat-Tories wara li l-Prim Ministru u Kap Konservattiv David Cameron ħabbar li se jirtira f’Ottubru.

Il-membri tal-partit iridu jiddeċiedu bejn iż-żewġ kandidati bl-akbar appoġġ fost it-Tories, bir-rebbieħ jitħabbar fid-9 ta’ Settembru.

Fil-proċess attwali se jispiċċa eliminat il-kandidat bl-inqas ammont ta’ voti li qed jintefgħu (wara bibien magħluqa) fil-Committee Corridor tal-Parlament. Iridu jsiru aktar rounds ta’ votazzjoni, nhar il-Ħamis u t-Tlieta, sakemm jifdal l-aħħar żewġ kandidati.