Wara aktar minn 800 ġurnata ta’ stennija, il-Gvern Laburista ressaq għad-dibattitu fil-Parlament l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Ħarsien tat-Tfal. Iżda sfortunatament, minkejja li saret konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet rispettivi – l-abbozz huwa ferm ’il-bogħod mill-proposti li l-Gvern irċieva minn min kien involut.
Id-Deputat Nazzjoalista Robert Cutajar, il-Kelliem dwar il-Familja, Ħarsien tat-Tfal, Anzjani u Persuni b’Diżabilità, qal fil-ftuħ tad-dibattitu ta’ dan l-Abbozz fl-istadju tat-Tieni Qari, li fil-Parlament l-Oppożizzjoni ressqet dawn l-istess proposti u l-Gvern injora għal kollox meta fassal dan l-istess abbozz.
“Hija ħasra li hemm barra hemm l-interess tat-tfal, u ħlejna dan iż-żmien kollu, 833 ġuranta”, stqarr Robert Cutajar.
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem dwar kif il-ħatriet pubbliċi għandhom isiru b’sejħiet, sabiex jassigura pubbliċi u mhux bl-għażla tal-Ministru. Hu stqarr li l-urġenza ta’ dan l-abbozz għandu jkun marbut mal-prijorità li t-tfal għandhom jingħataw fis-soċjetà tagħna.
Kompla billi stqarr li filwaqt li l-Ministru neħħa minn taħt idejh ir-responsabbiltà u l-obbligu li joħroġ care order, m’għamilx l-istess fil-ħatriet kollha marbuta f’dan l-abozz tal-liġi, fejn se jkun l-istess Ministru li se jkollu l-poter li jagħżel hu n-nies kollha involuti f’ħatriet ta’ bordijiet u karigi oħra.
Robert Cutajar stqarr li l-Opożizzjoni u dawk kollha involuti qed jisħqu li dan huwa inaċċettabli. Hu tenna li l-ħatriet għandhom jinħatru b’sejħiet pubbliċi taħt trasparenza serja għal kontra ta’ dak li ġara f’dawn l-aħħar tliet snin fil-qasam soċjali, fejn spikkaw il-ħatriet politiċi.
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar in-nuqqas tal-Ministru meta tiġi għal responsabbiltà għal ħarsien tat-tfal.
“Li ma qalx il-Ministru fl-intervent tiegħu, hu li huwa l-aktar politiku li naqas li jagħmel Care Orders. Statistika li ħarġet din il-ġimgħa turi kif fl-2013 ħarġu 127 Care Order, fl-2014 ħarġu 27 Care Order, fl-2015 ħarġu 21 Care Order, u din is-sena skont informazzjoni li għandha l-Oppożizzjoni turi li ħarġu biss żewġ Care Orders”, tenna Robert Cutajar. Dan ifisser li neżlin niġru ’l isfel filwaqt li rrimarka li dawn mhumiex passi ’l quddiem.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar stqarr li minbarra li l-Opożizzjoni appellat diversi drabi lill-Gvern biex itella’ b’urġenza din il-liġi għad-diskussjoni fil-Parlament dwar dan is-suġġett delikat, il-Partit Nazzjonalista wkoll nieda proċess ta’ konsultazzjoni, u anke konferenza nazzjonali li fiha semmgħu leħinhom l-Assoċjazzjoni tal-Foster Carers, l-Assoċjazzjoni tas-Social Workers, il-Knisja, Aġenzija involuta fl-adozzjonijiet u kif ukoll numru ta’ familji u koppji li jmissu dirett ma’ dan il-qasam.
Robert Cutajar stqarr li għandu jkun hemm aktar rispett u indipendenza fil-ħidma tas-social workers, kif ukoll rispett lejn il-Foster Carers. Hemm bżonn ta’ aktar tisħiħ fir-riżorsi u t-taħriġ fejn jidħlu l-professjonijiet b’aċċenn fuq Social Workers u Foster Carers.
Robert Cutajar appella lill-Gvern sabiex flimkien jaraw kif jistgħu jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet gravi li hemm f’dan l-abbozz sabiex jagħtu lill-pajjiżna liġi li tkun verament denja fl-interess tat-tfal.
Ippropona li għandu jsir proċess ta’ konsultazzjoni matul ix-xhur tas-sajf sabiex meta niġu biex napprovaw din il-liġi tkun verament tirrifletti l-interess tat-tfal. Dan il-proċess li suppost sar fix-xhur li ilha fuq l-ixkaffa din il-liġi, għandhom jipparteċipaw dawk kollha involuti, kif ukoll l-Oppożizzjoni.
//= $special ?>