Lokali Qorti

Amerikan ikkundannat 12-il sena ħabs u €25,000 fuq droga u ħasil ta’ flus

Raġel Amerikan ġie kkundannat 12-il sena ħabs u multa ta’ €25,000 wara li ammetta l-akkużi ta’ ħasil tal-flus u konfoffa biex ibiegħ id-droga kokaina. John Joseph Evans tressaq il-Qorti akkużat b’konfoffa f’bejgħ ta’ kokaina, pussess tal-istess droga kokaina fl-2013 u li ħasel il-flus permezz ta’ bejgħ u xiri ta’ propjeta’.

L-Amerikan kien wieġeb ħati għall-akkużi tiegħu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati f’Marzu 2014. Ix-xahar li għadda, hu ppreżenta nota ta’ sottomissjoni konġunta mal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li fiha kien suġġerit li flok il-massimu ta’ għomor il-ħabs, Evans jingħata sentenza ta’ 12-il sena priġunerija u multa ta’ €25,000.

Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, laqgħet is-sottomissjoni u mponiet il-piena li ġiet suġġerita. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-propjeta’ kollha ta’ Evans favur il-Gvern u li d-droga esebita tiġa meqruda.