L-Assoċjazzjoni tal-Piloti Maltin (ALPA) għadha ma taf xejn dwar il-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta, għalkemm din mistennija tgħaddi 49% tal-ishma tagħha lil-linja Taljana Alitalia.
Dan qalu l-President tal-ALPA Domenic Azzopardi f’kummenti lill-ġurnal In-Nazzjon fid-dawl tal-azzjonijiet industrijali li ħadu lbieraħ il-piloti u l-‘flight attendants’ tal-Alitalia fil-ġlieda tagħhom għal kundizzjonijiet aħjar.
F’April li għadda, meta ħabbar li ffirma Memorandum of Understanding mal-Alitalia, il-Gvern kien qal li n-negozjati kellhom jieħdu madwar tliet xhur. Iżda minkejja li ninsabu fit-tielet xahar minn dak l-iffirmar, Domenic Azzopardi sostna li sal-lum ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għadhom ma jafu xejn aktar minn kemm s’issa sar magħruf fil-media.
Ma’ In-Nazzjon, il-President tal-ALPA kien kawt fil-kummenti tiegħu għax qal li ma jistax jikkummenta wisq la s’issa hemm biss Memorandum of Understanding mal-linja tal-ajru Taljana.
Sadanittant, il-ġurnal The Times illum irrapporta li għal dawn l-aħħar jiem il-piloti tal-Air Malta mhux qed jilbsu l-uniformi kompluta bħala sinjal ta’ protesta għad-dewmien fil-ftehim kollettiv il-ġdid. Din id-direttiva ħarġet mill-ALPA f’laqgħa mal-membri tagħha biex tiddiskuti s-sitwazzjoni preżenti.
Mal-ġurnal, Domenic Azzopardi fakkar kif minkejja li l-ftehim kollettiv skada sitt xhur ilu, sal-lum għad m’hemmx sinjal ta’ ftehim ġdid. Spjega li l-ftehim kollettiv ma hu marbut bl-ebda mod mal-bejgħ ta’ parti mil-linja nazzjonali tal-ajru lill-Alitalia u għalhekk ma hemm l-ebda raġuni valida għalfejn il-ftehim baqa’ ma ġiex konkluż.
The Times irrapporta li t-tħassib tal-ALPA hu rifless ukoll mill-Kunsill tal-Ħaddiema tal-Air Malta, li jgħaqqad lill-unions kollha li jirrappreżentaw lis-sezzjonijiet differenti tal-ħaddiema. Min-naħa tagħha, bħalissa l-Alitalia qed tistinka biex tirranġa s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u tibda tagħmel profitt minn meta, fl-2014, l-Etihad xtrat sehem ta’ 49% tal-kumpanija.
Dwar l-Air Malta, f’Mejju li għadda, iċ-Chairman tal-Alitalia Luca di Montezemolo kien ikkwotat jgħid li l-ftehim ma hu tal-ebda riskju għal-linja Taljana għax l-Alitalia mhi mistennija tinvesti l-ebda ewro fl-Air Malta.
//= $special ?>