Lokali

Il-katavru ta’ Eleanor Mangion Walker instab f’borża tal-plastik qalb numru ta’ pallets – Ir-raġel tagħha qatta’ l-lejl fl-Isptar Monte Karmeli

Il-każ tal-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker, li nhar il-Ħadd filgħaxija instabet f’maħżen fil-limiti ta’ Ħal Qormi, ikompli jiżviluppa. Sorsi infurmati stqarru, li l-ġisem tal-vittma instab f’borża tal-plastik mistoħbi qalb numru ta’ pallets tal-injam, bil-katavru iserraħ mal-ħajt.

Il-bieraħ,wara kwazi 48 siegħa tfittxija għalih, ir-raġel tal-vittma Andrew Mangion ta’ 40 sena, offra lilu nnifsu lill-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali sabiex ikun ta’ għajnuna fl-investgazzjonijiet, akkumpanjat b’avukat.

Fl-ewwel passi tal-investigazzjoni, l-Pulizija bdiet bit-tfitxija għar-raġel tal-vittma, dan hekk kif l-ewwel suspetti tal-att kriminali waqaw fuqu. Sorsi stqarru illi rapporti mill-Pulizija juru li l-qtil ma sarx fil-maħżen fejn instabet Eleanor Mangion Walker, iżda l-vittma inqatlet b’daqqa t’oġġett iebes f’rasha, u wara ttieħdet fil-maħżen f’Ħal Qormi.

Il-post tal-qtil tal-vittma, li hi omm ta’ tifla 9 snin, għadu ma ġiex magħruf. Is-suspettat ewlieni jaħdem bħala handyman, u m’għandux kondotta kriminali.

Sorsi oħra mill-media rrapurtaw, li dan is-suspettat ewlieni tal-qtil, għadda lejl fit-taqsima forensika fl-isptar Monte Karmeli, fejn ingħata wkoll kura psikjatrika. Għadu mhux magħruf, jekk Andrew Mangion hux se jidher quddiem il-Qorti aktar tard matul il-jum.

L-aħħar li Eleanor Mangion Walker dehret kien is-Sibt filgħodu, hekk kif il-vittma telqet mir-residenza tal-maħbub tagħha Rikky Pace.