Ftit tal-ħin ilu, ġie ppubblikat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar Skemi ta’ Għajnuna lill-Kunsilli Lokali li tniedew bejn l-2008 u l-2013.
Nieħu nota ta’ dan ir-rapport u l-konklużjonijiet tiegħu, u nerfa’ r-responsabbiltà kollha ta’ dak li wettaqt fl-ewwel erba’ snin tal-leġiżlatura li għaddiet meta kont Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Dak kollu li wettaqt kien intiż biex ngħin l-akbar numru ta’ Kunsilli Lokali possibbli biex jieħdu inizjattivi u jagħmlu proġetti fil-lokalitajiet tagħhom għall-ġid tar-residenti ta’ kull lokalità. Fil-fatt, il-fondi kollha li ssir referenza għalihom huma fondi li gawdew minnhom il-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll ir-residenti fil-lokalitajiet.
L-Awditur Ġenerali wasal għall-konklużjoni li f’numru ta’ skemi kien hemm l-involviment tiegħi bħala Segretarju Parlamentari. Dan nikkonfermah u nerfa’ r-responsabbiltà tiegħu.
F’kull każ, l-involviment tiegħi kien għal xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
-nara li l-iskemi jsiru u l-għajnuna tingħata fl-iqsar żmien mingħajr burokrazija żejda;
-nagħti direzzjoni dwar l-iskop li rridu nilħqu b’kull skema;
-fejn ikun hemm żbalji jew ommissjonijiet, niġbed l-attenzjoni biex jitranġaw;
-nara li Kunsilli Lokali li kien ħaqqhom l-għajnuna, din tingħatalhom u dan peress li jien kelli kuntatt kontinwu mal-Kunsilli Lokali kollha u kont naf eżatt x’inhuma l-bżonnijiet u l-problemi tagħhom.
Nassigura li qatt ma ndħalt biex xi Kunsill Lokali ma jieħux fondi jew biex xi Kunsill Lokali jingħata fondi ad esklużjoni ta’ oħrajn. L-iskop tiegħi dejjem kien li nagħti l-akbar għajnuna possibbli lill-Kunsilli Lokali kollha, kienu liema kienu.
Fil-fatt, ir-rapport tal-Awditur Ġenerali juri ċar li ma kien hemm ebda diskriminazzjoni bejn Kunsilli Lokali, u qatt ma kien hemm ilmenti minn Kunsilli Lokali jew l-Assoċjazzjonijiet tagħhom dwar kif qed jingħataw il-fondi ta’ għajnuna.
Nifhem li f’ċertu okkażjonijiet, l-affarijiet amministrattivi setgħu saru aħjar, iżda dan żgur ma kienx b’intenzjoni li l-affarijiet ma jsirux sew, iżda biss sforz il-ħeġġa u l-entużjażmu biex nagħtu l-akbar għajnuna lill-Kunsilli biex jaħdmu aktar u jagħtu riżultati aħjar, għall-ġid tar-residenti fil-lokalitajiet.
Ħarsa lejn ir-rapport tal-Awditur Ġenerali turi ftit mill-għajnuna kbira li ngħatat lill-Kunsilli Lokali fuq medda qasira ħafna ta’ żmien. Din l-għajnuna ssarfet f’mijiet ta’ proġetti u inizjattivi fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex, u li għamlu differenza fil-lokalitajiet.
Nerfa’ r-responsabbiltà għaliex kull deċiżjoni li ħadt, kienet dejjem igwidata minn prinċipju wieħed: dak li ngħin l-akbar numru possibbli ta’ Kunsilli Lokali biex jagħtu l-massimu lir-residenti tagħhom, u dan bla ebda diskriminazzjoni. Dan kollu jistgħu jixduh is-Sindki, Kunsillieri u impjegati tal-Kunsilli Lokali li ħadmu miegħi fil-perjodu li kont responsabbli minn dan il-qasam.
Fl-istess ħin, kif imħabbar diġa fir-Rapport “Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika”, il-Partit Nazzjonalista jirrispetta il-fehma tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u jintrabat li jimplimentah fil-Gvern.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista saħaq li jirrispetta r-rapport tal-Awditur Ġenerali u qed jikkommetti ruħu, kif diġà għamel fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’ li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu malli jkun fil-Gvern.
Dwar dan ir-rapport, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said diġà ta spjega dettaljata u wera kif l-interventi tiegħu wasslu biex ikun hemm żieda fil-Kunsilli Lokali li jingħataw l-għajnuna, kif ukoll żieda fl-għajnuna finanzjarja. Dan ifisser li permezz ta’ din id-direzzjoni, r-residenti gawdew aktar u mhux anqas.
Sfortunatament, f’din il-leġiżlatura, l-Kunsilli Lokali mhux talli ma baqgħux bl-istess skemi li kellhom qabel, iżda talli dawn naqsu, għad-detriment tar-residenti fil-lokalitajiet. Fl-istess ħin, f’waħda mill-ftit skemi li nieda dan il-Gvern, l-Awditur Ġenerali, f’rapport li ppubblika nhar it-Tnejn li għadda, sab li din l-iskema tħaddmet b’dilettantiżmu, preferenzi, nuqqas ta’ trasparenza, ħabi u abbuż.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista kkonkluda li jinnota wkoll li r-rapport tal-Awditur Ġenerali ma sab ebda irregolarità fl-aġir ta’ Chris Said u wisq anqas, telf jew użu ħażin ta’ fondi pubbliċi bħalma sab f’dawn l-iskandli:
– l-indħil dirett tal-Ministru Konrad Mizzi biex isir il-hedging għax-xiri taż-żejt mill-Ażerbajġan, liema ndħil wassal għat-telf ta’ €14-il miljun minn flus il-poplu Malti u Għawdxi.
– l-Prim Ministru li uża l-email personali tiegħu biex ta l-go ahead biex isir id-deal jinten ta’ €4.2 miljun tal-Cafe’ Premier
– l-intervent tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon biex sar id-deal ta’ Gaffarena li sewa’ €3.5 miljun biex inxtrat nofs proprjetà li kienet diġà tal-Gvern.