Kultura ta’ Diviżjoni
B’ħarsa ħafifa lura lejn l-istorja nazzjonali malajr tasal għall-konklużjoni li pajjiżna, aktarx minħabba xejra naturali ta’ pajjiż Mediterranju, għandu storja ta’ diviżjoni li żammet lil Malta maqsuma, ġeneralment fuq żewġ bnadi differenti u lil hinn minn xulxin, kemm jekk hi politika, kemm jekk hi kultura ta’ festi lokali u kemm jekk huwa sport.
Għal medda ta’ snin twal il-kwistjoni tal-lingwa qasmet lil Malta minn aspett soċjolingiwistiku li donnu ħalla marka li għadha tinħass sal-ġurnata tal-lum, bejn Nazzjonalisti u Laburisti; Taljani u Ingliżi, liema ‘kultura’ nesperjenzawha wkoll f’diversi festi fil-lokalitajiet.
Hija aktarx kultura li possibbilment hija magħġuna f’demmna li ilha ġejja minn żminijiet fejn il-Maltin missirijietna ma kellhomx wisq fuq xiex jargumentaw, kultura li nħossuha taħraq fil-logħba tal-ballun saħansitra fuq livell internazzjonali bħal fi żminijiet ta’ issa matul dawn il-ġimgħat ta’ Tazza Ewropea.
L-Isport huwa l-futbol
Hekk kif issa l-kompetizzjoni qiegħda tasal fl-aħħar fażijiet tagħha, tinnota, bl-aktar mod ċar fuq il-mezzi tal-midja soċjali bħal ‘facebook’ kif dawk li jappoġġjaw lit-tim Taljan ma ħaduhiex bi kbira wisq li t-tim tal-‘azzuri’ nqala’ la darba l-Ingliżi kienu ġa nqalgħu, u dawk li jżommu mal-Ingliżi, jitgħajru lura li ma jfisser xejn jekk tim jinqalax maċ-‘Champions’ tad-dinja jew ma’ tim iżgħar minn Malta fil-popolazzjoni; l-Iżlanda.
Sa ftit żmien ilu jien ukoll kont insegwi wieħed mill-ġganti tal-Ewropa (il-Ġermanja) b’passjoni eċċentrika tipikament la Maltija, imma li llum inħossni bil-wisq aktar moderat u nagħraf napprezza dak li huwa ġenwinament sportiv fid-dinja tal-ballun u dik sportiva inġenerali.
Hija ħasra li meta tħares madwarek tilmaħ fissazzjoni żejda fuq il-logħba li tant inħobbu imma li tant ma tatniex għaliex nifirħu minflok ma nimirħu f’dixxiplini li qed jiksbu suċċess lil pajjiżna, bħall-‘waterpolo’ u l-isparar fost ftit.
Donnu li f’pajjiżna, l-isport huwa l-futbol, sport li fih Malta baqgħet qatt ma żviluppat. Fl-2008 Malta ltaqgħet darbtejn mal-Iżlanda fejn rebħet partita u tilfet oħra (1-0) fi żmenijiet meta dan il-pajjiż b’popolazzjoni sostanzjalment anqas minn tagħna kien tal-istess livell bħal Malta.
Illum, l-Iżlanda tinsab tisfida nazzjonijiet kbar bħall-Portugall, l-Ingilterra, Franza (fost oħrajn) fuq skala ta’ futbol internazzjonali li Malta nistgħu biss nixxennqu għalih jekk mhux se nqisu l-isport inġenerali bħala kultura li tmur lil hinn mill-futbol innifsu.
Suċċessi mhux Rikonoxxuti
Fl-ewwel ġimgħat tal-2016 it-tim Nazzjonali Malti tal-waterpolo kien qiegħed għall-ewwel darba, kontra kull xejra loġistikament possibbli, jikkompeti fuq l-ogħla livell internazzjonali fil-Kampjonati Ewropej fis-Serbja meta t-tim immexxi mill-kowċ Karl Izzo u l-‘captain’ Niki Lanzon kompla jħalli l-marka tiegħu fid-dinja tad-dixxiplina.
Minkejja kull sagrifiċċju mit-tim Malti, ir-rikonoxximent għal dan is-suċċess kien limitat għal kollox għaliex la mhux futbol, mhuwiex daqstant importanti fost id-dilettanti inġenerali.
L-istess irid jingħad fid-dixxiplina tal-isparar fejn William Chetcuti qiegħed ikompli jwassal messaġġ ta’ tama li pajjiżna jista’ jikkompeti u jirbaħ id-deheb. Huwa ta’ unur għal pajjiżna li jkollna minn fostna atleti li jelevaw il-kultura sportiva nazzjonali, li sfortunatament għadna ma aħniex qed nirrikonoxxu biżżejjed.
Il-Partit Nazzjonalista Jsaħħaħ il-Kultura Sportiva
Huwa ta’ sodisfazzjon għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħraf il-ħtieġa li l-politika għandha tagħti l-impenn tagħha sabiex tissaħħaħ il-kultura sportiva f’pajjiżna billi ġġib fi ħdanha dak li huwa l-bidu ta’ viżjoni sportiva rikonoxxuta.
Bla dubju, huwa nifs kulturali ġdid li fi tmiem il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista tella’ t-tieni konferenza sportiva bil-kollaborazzjoni tal-kelliem għall-isport David Agius u ‘Team Sport PN’ sabiex jissaħħaħ aktar ir-rikonoxximent sportiv.
Il-Partit Nazzjonalista ser ikun qiegħed ipoġġi l-isport fil-prijoritajiet meta jkun fil-Gvern, imma mhux biss. Kien il-Partit innifsu li fil-bidu ta’ din is-sena kien strumentali biex issa f’Malta għandna liġi li tippromwovi l-Ħajja Sana, liġi mfassla mill-Oppożizzjoni li tkompli tikkonferma l-viżjoni realistika tal-Partit Nazzjonilsta fil-kamp sportiv nazzjonali.
Iridu jkunu eżawriti l-possibbiltajiet kollha sabiex pajjiżna, minkejja kull limitazzjoni ta’ spazji u finanzi, ikun qiegħed jibbenifika minn politika li ma tħarisx aktar lejn l-isport bħala passatemp imma bħala impenn li bih Malta ssostni kultura li ilha għal mijiet ta’ snin imma qatt ma ffjorixxiet biżżejjed.
L-Iżlanda, fl-analoġija tal-forma tal-pajjiż imma wkoll tas-suċċess sportiv, tista’ tkun ispirazzjoni nazzjonali jekk kemm-il darba nagħrfu niżirgħu ż-żerriegħa u nindokraw ix-xitla sportiva. Din hija l-intenzjoni tal-Partit Nazzjonalista.
Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali fuq it-8 distrett.
Verżjoni ta’ din l-opinjoni dehret fil-ħarġata ta’ In-Nazzjon tal-Erbgħa, 6 ta’ Lulju 2016.