Futbol Sport

Jiżdiedu l-attendenzi fil-kampjonati lokali

Illum f’lukanda ewlenija fil-Floriana, ittellgħu l-poloz għall-kampjonati tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni. F’diskors ta’ introduzzjoni, is-Segretarju Ġenerali Bjorn Vassallo tkellem dwar il-bidliet li se jkun hemm fil-kampjonati kemm mill-istaġun li ġej, kif ukoll minn dak tal-istaġun 2017/2018.

Dawn il-bidliet daħlu fis-seħħ grazzi għal bidliet li saru l-bieraħ fil-laqgħa ġenerali straordinarja li fosthom sar magħruf li mill-istaġun 2017/2018, il-kampjonat premier se jintlagħab b’14-il tim.

Vassallo ta dettalji wkoll dwar l-attendenzi fil-kampjonati fejn fil-kampjonat Premier l-attendenza kienet ta’ 104,025, żieda ta’ 2% mill-istaġun ta’ qabel. Kien hemm żieda ta’ 32% fl-attendenzi tal-ewwel diviżjoni, u żieda ta’ 11.5% fit-tielet diviżjoni. Minn naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis ta’ 12.5% fit-tieni diviżjoni. It-total ta’ dawn l-attendenzi kien ta’ 148,827 li jfisser żieda ta’ 6% fil-kampjonati kollha.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA kompla jagħti aktar statistika fejn qal li 43.4% tal-plejers li lagħbu fil-kampjonat Premier kienu barranin li ġejjin minn 35 pajjiż. Vassallo qal li din l-istatistika tkompli ssaħħaħ li minkejja li daħlet ir-regola tas-seba’ barranin, il-plejers Maltin żammew il-maġġoranza. B’kollox kien hemm 26 plejer mill-Brażil u 22 plejer mill-Italja u n-Niġerja.

Mistoqsi dwar l-effett tal-bilanċ fil-kampjonati, u l-kuntrast bejn il-kwalità u l-kwantita, Vassallo qal li ma jarax li tħalli effett partikolari kemm il-Premier ikun fih timijiet għaliex sakkem il-plejers Maltin jibqgħu part-time, il-livell se jibqa’ dak li hu. Iżda Vassallo tenna li kampjonat b’14-il tim, isaħħaħ l-iżvilupp tal-logħba.

 

L-ewwel partiti mill-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni huma dawn:

Żebbuġ v Vittoriosa

Marsa v Mqabba

Fgura v Rabat

Lija v Melita

Sirens v Għargħur

Pietà v Naxxar

Senglea v Qormi

 

L-ewwel partiti mit-Tieni Diviżjoni huma dawn:

Għaxaq v Marsaxlokk

St.Georges v Mellieħa

Birżebbuġa v Mġarr

Żejtun v Mġarr

Qrendi v Siġġiewi

Gudja v San Ġwann

Attard v Swieqi

 

Fl-aħħar, l-ewwel partiti mit-Tielet Diviżjoni huma dawn:

Santa Lucia v Kirkop

Xgħajra v Marsaskala

Santa Venera v Mtarfa

Msida v Ta’ Xbiex

Żurrieq v Mdina

Dingli v Kalkara