Internazzjonali

May il-favorita biex tilħaq minflok Cameron

Theresa May, is-Segretarju tal-Intern, kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala l-favorita għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv, u bħala konsegwenza l-Prim Ministru. Dan wara li kisbet l-akbar ammont ta’ voti fl-ewwel fażi tal-elezzjoni.
May ġabet 165 vot mit-329 li twaddbu mill-membri Parlamentari Konservattivi. Fit-tieni post ġiet Andrea Leadsom b’66 vot, u wara Michael Gove bi 48 vot. Liam Fox li spiċċa fil-ħames post u Stephen Crabb li spiċċa fir-raba’ wara li tħabbru r-riżultati qalu li kienu se jirtiraw mit-tiġrija u esprimew l-appoġġ tagħhom għal May.
Il-votazzjoni se tkompli sakemm ikun fadal biss żewġ kandidati u mbagħad ir-rebbieħ ikun deċiż mill-membri tal-partit fid-9 ta’ Settembru.