Lokali

Rikonoxximent akbar lill-foster carers – Paula Mifsud Bonnici

Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet li l-abbozz għandu jirrifletti l-veduti espressi fil-Parlament biex pajjiżna wkoll ikollu liġi li tipproteġi lit-tfal li jsibu ruħhom f’ċirkostanzi sfortunati.

Paula Mifsud Bonnici qalet li ma tistax ma tesprimix id-diżappunt ħafna għad-dewmien li kien hemm biex dan l-abbozz jitressaq għad-diskussjoni. Sostniet ukoll li mhux minnu, kif stqarr il-Ministru, li dan id-dewmien kien ġej minħabba l-konsultazzjoni li kienet għaddejja. Fil-fatt kien biss fl-aħħar ġimgħat li l-Ministeru għadda l-emendi proposti lill-partijiet konċernati.

Paula Mifsud Bonnici rringrazzjat lill-Knisja li fetħet il-bibien tagħha biex kien pprovdut post fejn setgħu jinżammu t-tfal sakemm żviluppa l-kunċett tal-fostering. Hi rringrazzjat ukoll lill-professjonisti li ħadmu u għadhom jaħdmu favur dawn it-tfal u mhux inqas lill-familji u foster carers li minbarra li jiftħu l-bieb għal dawn it-tfal ikunu qed jiftħu anke qalbhom biex dawn it-tfal isibu l-imħabba li tkun nieqsa.

Paula Mifsud Bonnici qalet li għandu jkun hawn liġi li tagħti aktar rispett lill-foster carers. Dan ma jkunx qed isir għall-vantaġġ tal-foster carers imma għall-vantaġġ tat-tfal.

Id-Deputat Nazzjonalista ssuġġeriet li tkun introdotta s-sistema tal-foster leave kif ukoll jingħata foster credit ħalli dawn il-persuni jkunu jistgħu jiddedikaw aktar ħin lejn l-għożża li jkollhom bżonn it-tfal fostered.

Paula Mifsud Bonnici qalet li r-riċerka turi li t-tfal adottati jew fostered jimxu ħafna aħjar minn tfal li jibqgħu jgħixu f’xi istituzzjoni. Hi rriferiet għal rapporti li jikkonfermaw dan il-fatt. Fihom isiru rakkomandazzjonijiet biex tfal taħt il-ħames snin ma jitpoġġewx f’istituzzjonijiet anke jekk dawn l-istituzzjonijiet ikollhom il-livelli kollha meħtieġa.

Proposta oħra titkellem dwar emergency placements u staqsiet xi pjani għandu l-Gvern biex fejn jinqalgħu dawn il-każi, id-dewmien biex it-tfal ikunu inklużi f’familja jkun mill-iqsar.

Ir-rapporti jitkellmu, b’diversi suġġerimenti, dwar il-vantaġġi ta’ tfal taħt il-ħames snin meta jgħixu f’familja.

Paula Mifsud Bonnici qalet ma tifhimx kif għad hawn ħafna tfal li ilhom jinżammu f’istituzzjoni għal diversi snin. Dan juri li l-policies tagħna m’humiex jippermettu li ġenituri jadottaw. Id-Deputat Nazzjonalista ssuġġeriet li jsiru dawk l-emendi meħtieġa biex anke fejn ma jkunx hemm il-kunsens tal-ġenituri naturali, it-tfal jingħataw għall-adozzjoni jekk dan ikun fl-interess tat-tifel/tifla.

Paula Mifsud Bonnici enfasizzat il-ħtieġa li jkunu ċċarati d-definizzjonijiet ta’ diversi aspetti riferiti fl-abbozz. Hi qalet li sentejn ilu l-Oppożizzjoni kienet diġà għamlet il-proposta biex il-Ministru ma jkunx il-persuna li jawtorizza l-care orders. Din il-proposta, dakinhar, ma kinitx aċċettata mill-Ministru Owen Bonnici.

Paula Mifsud Bonnici qalet li taqbel li jkun hemm Bord li jagħmel l-għażliet biex tinħareġ care order, iżda għadha tittama li ma jkunx il-Ministru li jagħmel il-ħatriet tal-uffiċjali.

Paula Mifsud Bonnici qalet li tixtieq tisma’ lill-Ministru jgħid x’investiment se jagħmel fl-infrastruttura biex dawk li jaħdmu f’dan il-qasam ikunu jistgħu jagħmlu dan bir-riżorsi li hemm bżonn fl-interess tat-tfal. Bil-Gvern jiftaħar kuljum dwar it-titjib fl-ekonomija, wieħed jemmen li m’hemmx diffikultà biex ikunu dedikati fondi għal dan il-għan.

Paula Mifsud Bonnici qalet li ma taqbilx li jkun il-Ministru li jaħtar u jista’ jneħħi liż-żewġ persuni li l-abbozz isemmi li għandhom jassistu lil Maġistrat fil-bord propost.

Id-Deputat Nazzjonalista qalet li għandu jkun obbligu li l-Qorti tisma’ lit-tfal ħlief biss fiċ-ċirkostanzi fejn ix-xiehda ta’ dak it-tifel ma tkunx ta’ benefiċċju għalih.