Żagħżugħ Somalu ta’ 20 sena residenti fiċ-Ċentru miftuħ tal-Marsa, ingħata sentenza ta’ 6 xhur ħabs sospiża għal sentejn wara li ammetta li ta daqqa ta’ sikkina lil Somalu ieħor kmieni dalgħodu. Il-vittma ingħata l-kura fl-Isptar u nħareġ dalgħodu stess wara li ġie ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, semgħet ix-xhieda tal-Ispettur Robert Vella li matulha qal li għall-ħabta tal-4a.m. ġie raġel Somalu fl-għassa tal-Pulizija bi ġrieħi fi driegħu kaġun ta’ daqqiet ta’ strument jaqta’ u bil-ponta.
L-akkużat, Saif Faisal Ibrahim Sahir, kien akkużat li kkaġuna feriti ħfief fuq Nasi Aabi, li ġar strument jaqta’ mingħajr permess, li kiser il-paċi pubbliku b’għajjat u ġlied u li kkaġuna ħsara fuq vettura. Fil-Qorti, hu wieġeb ħati tal-akkużi kontrih u talab skuża għall-aġir tiegħu.
L-Avukat tal-għajnuna legali Martin Fenech qal li l-akkużat ilu jgħix Malta għal tliet snin u għandu kondotta nadifa u għaldaqstant, appella sabiex il-Qorti tagħti sentenza sospiża.
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża u minbarra is-sentenza sospiża, ordnat lill-akkużat biex ma jersaqx jew ikellem lil vittma għal sena fuq garanzija personali ta’ €200.
//= $special ?>