Xufier ta’ taxi iħebb għal koppja anzjani Franċiżi – jingħata sentenza sospiża

Brian Aber, xufier ta’ taxi ta’ 39 sena mill-Qrendi, ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal tliet snin wara li ammetta li ħebb għal koppja anzjani Franċiżi, bir-raġel anzjan isofri ġrieħi gravi.

Quddiem il-Qorti ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, l-Ispettur Kylie Borg akkużat lil Aber li kkaġuna feriti gravi fuq Bruno de Bon u feriti ħfief fuq martu Marie. Fix-xhieda tagħha, l-Ispettur irrakkontat li għall-ħabta tal-10.35p.m. tal-1 ta’ Lulju wasal rapport li argument bejn xufier ta’ taxi u l-passiġġieri tiegħu żviluppa fi ġlieda. It-tobba iċċertifikaw il-ġrieħi tal-koppja bħala gravi għar-raġel li qala’ daqqa ta’ ponn u mbotta lill-mara.

L-Akkużat, li ma riedx għajnuna legali, wieġeb ħati tal-akkużi kontrih. L-Ispettur Borg kkompliet li meta kien interrogat, Aber qal li hu qala’ daqqa ta’ ponn mingħand l-anzjan meta pprova jieħu lura l-irċevuta, li qal li kellu bżonnha biex jitħallas. B’dik id-daqqa, l-anzjan tajjarlu n-nuċċali u kien se jipprova jtih daqqa oħra meta irreaġixxa.

L-Ispettur kompliet li l-versjoni tal-vittmi kienet differenti fejn qalu li l-mara ġiet imbuttata u r-raġel qala’ daqqa ta’ ponn.

Hi qalet li dan kien inċident li sfortunatament kiber minħabba problemi ta’ komunikazzjoni bejn iż-żewġ partijiet li ma jifhmux il-lingwa ta’ xulxin.