Lokali

Żewġ żgħażagħ iweġġgħu wara ħabta bejn żewġ vetturi f’Birkirkara

Żewġ żgħażagħ ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li weġġgħu f’inċident tat-traffiku fi Triq Dun Karm f’Birkirkara.

L-inċident seħħ kmieni dalgħodu u fih kienu nvoluti vettura tat-tip Isuzu NKR, misjuqa minn żagħżugħ ta’ 27 sena minn San Ġwann, u vettura tat-tip Peugeot 406, misjuqa minn żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Għargħur.

Mhux magħruf x’wassal għall-ħabta bejn iż-żewġ vetturi. Minbarra l-Pulizija, fil-post waslu wkoll l-Ambulanzi li akkumpanjaw liż-żewġ żgħażagħ lejn l-Isptar.

Iż-żagħżugħ ta’ 27 sena kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti ta’ natura gravi, filwaqt li l-kundizzjoni ta’ saħħet iż-żagħżugħ l-ieħor s’issa għadha mhux magħrufa. Madankollu, fortunatament, l-ebda wieħed minnhom ma jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.