Lokali

Wara li għolla l-kirjiet tal-akkomodazzjoni soċjali, Muscat jgħid li l-prijorita’ hi li jiġġieled il-kirjiet għoljin

Wara li aktar minn sena u nofs ilu l-Gvern għolla l-kirjiet tal-akkomodazzjoni soċjali, il-Prim Ministru llejla ddikkjara li se tkun priorita’ tal-Gvern li jiġġieled il-problema tal-faqar billi jiġġieled il-kirjiet għoljin.

“Hemm min ma jistax ilaħħaq mal-kera tal-post,” ammetta l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt attivita’ mis-sensiela ‘Gvern li Jisma’’ f’Kastilja.

Il-kummenti tal-Prim Ministru dwar il-kirjiet għoljin saru hekk kif madwar 15,000 familja għadhom qed ibatu l-konsegwenzi ta’ deċiżjoni tal-Gvern Laburista li f’Novembru tal-2014 bdew iħallsu għal kirjiet għola għall-akkomodazzjoni soċjali offruta mill-Gvern.

Id-deċiżjoni li l-Gvern jgħolli l-kirtjiet tal-akkomodazzjoni soċjali kienet ħasdet madwar 15,000 familja f’Malta. F’ċertu każijiet, kirja ta’ €50 żdiedet għal €200 fis-sena.

Iżda llejla, waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-membri tal-pubbliku, il-Prim Ministru ammetta li l-kirjiet għoljin huma parti mill-problema tal-faqar f’pajjiżna.

“Waħda mill-affarijiet li rridu naraw hija l-problema tal-kirjiet, fejn hemm nies li ma jistgħux ilaħħqu magħhom” ammetta l-Prim Ministru.

Madanakollu, fl-ebda ħin ma rrefera għad-deċiżjoni tal-Gvern tiegħu stess li sena u nofs ilu żied il-kirjiet tal-akkomodazzjoni soċjali għal 15,000 familja.