Lokali

Aktarx li Eleanor Mangion Walker inqatlet f’garaxx fis-Swieqi – Mhux eskluż l-użu ta’ mannara

Wara li nhar il-Ħadd instab il-katavru ta’ Eleanor Mangion Walker f’maħżen f’Ħal Qormi, il-Pulizija bdiet mal-ewwel bl-investigazzjonijiet fuq it-tielet każ ta’ omiċidju għal din is-sena.

L-ewwel analiżi tal-qtil juri li l-omm ta’ 33 sena ma nqatlitx fuq il-post fejn instabet fil-maħżen, iżda skont studju forensiku li sar dwar il-każ, jidher li vann abjad intuża sabiex inġarr il-katavru tal-vittma. Andrew Mangion, l-eks raġel ta’ Eleanor Mangion Walker, huwa s-supettat ewlieni tal-qtil, u filfatt l-istess Mangion għandu tliet vannijiet fil-propjeta’ tiegħu.

Dan il-vann li bih sar it-trasport tal-katavru, ma setax jiġi lokalizzat mill-investigaturi, iżda instab f’San Ġwann, fi triq imwarrba.

Jirriżulta, li mill-istħarriġ li sar s’issa, kollox jindika li Eleanor Mangion Walker inqatlet f’wieħed miż-żewġ garaxxijiet tad-dar tagħhom fis-Swieqi hekk kif instabu traċċi ta’ demm hemmhekk stess. Minkejja li l-koppja kienu għaddejin fi proċess ta’ separazzjoni, huma xorta waħda baqgħu jgħixu taħt l-istess saqaf flimkien mat-tifla tagħhom ta’ disa’ snin.

Il-Pulizija bħalisas għaddejja b’numru ta’ testijiet dwar it-traċċi ta’ demm li nstabu fil-garaxx fis-Swieqi. Fl-investigazzjonijiet dwar il-każ, bħalissa qed tinġabar evidenza forensika sabiex l-investigaturi jkollhom stampa ċara ta’ kif sar il-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker, u kif wara il-katavru tal-vittma ittieħed ġewwa maħżen fi Triq il-Kummerċ f’Ħa Qormi,  fejn instabet ġo borża tal-plastik mistoħbi qalb numru ta’ pallets tal-injam iserraħ mal-ħajt.

L-awtopsja li saret immedjatament wara li isntab il-katavru jindika li Eleanor Mangion Walker mietet b’daqqa f’rasha minn oġġett iebes. Il-Pulizija stqarret li ġiet eskluża l-possibilta’ li l-vittma mietet b’kawża ta’ daqqiet b’oġġet jaqta’, iżda hemm il-possibilta’ li l-omiċidju sar b’mannara.

Is-suspettat ewlieni, Andrew Mangion  ta’ 40 sena jaħdem baħal handyman, u qatt ma kellu rekord kriminali. Wara tfittxija ta’ madwar 48 siegħa wara li nstab il-katavru, Andrew Mangion mar minn jheddu l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija akkumpanjat ma’ avukat, sabiex ikun jista’ jgħin fl-investigazzjonijiet.

Fil-preżent hu qed jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli, u sorsi qrib netnews.com.mt stqarru li l-psikjatri li qed jieħdu ħsieb il-kura tal-eks raġel tal-vittma Andrew Mangion għadhom ma ħallewx lill-Pulizija tinterrogah. L-istess sorsi qalu li Andrew Mangion jinsab taħt osservazzjoni kontinwa fl-istpar Monte Karmeli, bl-għassa tal-Pulizija wkoll.