Lokali

Il-UĦM Voice of the Workers mhux se tiffirma l-ftehim dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet

Il-‘UĦM Voice of the Workers’ iddikjarat li mhix se tiffirma l-ftehim dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet qabel il-gvern jippubblika l-ftehim li diġà għamel mal-Vitals Global Healthcare (VGH). Din il-pożizzjoni l-UĦM espremietha f’ittra li kitbet u bagħtet lill-ħaddiema tas-settur.

Il-Union qalet li minħabba li f’dawn l-aħħar ġimgħat ingħataw ħafna verżjonijiet dwar  x’qed jiġri fir-rigward tal-Public Private Partnership (PPP) tal-isptarijiet ta’ Għawdex, Karin Grech u St. Luke’s kitbet lill-ħaddiema fis-settur fejn spjegat x’ġara s’issa f’dan ir-rigward.

Il-UĦM qalet li jidher iżda li għalkemm il-Ministeru tas-Saħħa kien wiegħed diversi affarijiet fil-laqgħat mal-ħaddiema, il-Gvern ma riedx li jkun hemm garanzija dwar l-istaff compliment, li jfisser li l-ħaddiema ma għandhomx garanzija li jibqgħu jaħdmu fl-istess post.

Il-UĦM qalet li l-Ministeru jrid li l-listi jista’ jżidhom il-privat meta jrid, li l-ħinijiet tax-xogħol jistgħu jinbidlu u li l-bonus u l-flexibility bonus jistgħu jingħataw biss fuq sistema stabbilita mill-Gvern jew mill-privat mingħajr qbil mal-Union. Minħabba f’hekk il-UĦM kienet baqgħet tinsisti fuq dawn id-drittijiet.

Dawn in-negozjati waqfu ħesrem meta ħarġet l-aħbar tal-Panama Papers u sal-lum għadhom ma tkomplewx.

Barra minn hekk, kienu wkoll innutati r-rpaporti  tal-ġurnal The Times of Malta li qal li l-kirja mhix ta’ 30 sena iżda ta’ 99 sena.  Minħabba f’hekk, il-UĦM flimkien mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) kienet talbet li qabel ma jiġi iffirmat il-ftehim, il-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-VGH irid jiġi ppubblikat. Dan minħabba li kull ftehim li qed isir f’isem il-ħaddiema hu marbut mal-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-VGH.

Għaldaqstant, il-UĦM hi aktar konvintà  bid-deċiżjoni li ħadet li ma tiffirma ebda ftehim sakemm il-ftehim oriġinali, li fuqu hu mibni kollox, ikun ippubblikat u mqiegħed taħt l-iskrutinju tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur (NAO).

Il-UĦM staqsiet x’kien jiġri kieku l-union  iffirmat ftehim għal 30 sena meta l-VGH tista’ ġġedded għal 99 sena. Għalhekk il-UĦM mhix se tinnegozja u wisq anqas tiffirma ftehim dwar il-PPP tal-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex qabel ma jkun pubblikat il-ftehim bejn il-VGH u l-Gvern, l-istess ftehim għandu jkun analizzat mill-NAO.

Il-UĦM sostniet li għandha tidħol il-prattika li l-Uffiċċju tal-Awditur janalizza dawn il-ftehim qabel ma jidħlu fis-seħħ. Dan għax kultant ftehim jingħata lill-Uffiċċju tal-Awditur sena wara li jidħol fis-seħħ, meta l-Awditur Ġenerali ma jkun jista’ jagħmel xejn għajr jgħid x’jaħseb x’seta’ sar aħjar.