Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jitkellem u jgħid il-verità kollha dwar il-ħlasijiet ta’ miljuni ta’ ewro li l-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas lill-kumpanija Ċiniża Shanghai Electric għall-użu tal-Power Station ta’ Delimara. In-nuqqas ta’ trasparenza li hemm fuq dak li qed jiġri jkompli jkabbar is-suspetti li fin-nofs, hemm xi ħaġa tinten.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli u x-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech irreferew għal dak żvelat minn The Times of Malta fil-jiem li għaddew, jiġifieri li l-Enemalta reġgħet bdiet topera l-Power Station ta’ Delimara hi, aktar minn sena wara li l-Gvern Malti biegħha lil Shanghai Electric.
Marthese Portelli qalet li r-rapporti li ma ġewx miċħuda jispjegaw li l-Gvern Malti mhux biss reġa’ beda jopera l-Power Station ta’ Delimara, iżda biex jagħmel dan, qed iħallas il-flus lil Shanghai Electric.
Marthese Portelli qalet li l-mistoqsijiet li qed isir b’rabta ma’ dak li ġie żvelat fil-jiem li għaddew, joħolqu aktar dubji dwar il-bejgħ tal-Power Station ta’ Delimara lil Shanghai Electric. Hi fakkre li l-Gvern ilu li ffirma dan il-kuntratt 18-il xahar u li sa issa għadu ma ġiex ippubblikat.
Is-suspetti tal-poplu Malti u Għawdxi jikbru aktar u aktar meta issa nafu li kif żvelat minn The Times of Malta wkoll wara li flimkien ma’ The Malta Independent, ġabet aċċess għall-Panama Papers, is-somma li ssemmiet b’rabta ma’ Konrad Mizzi bil-għan li jinfetaħ it-trust sigriet fin-New Zealand kienet dik ta’ €6.4 miljun, li jiġu eżatt 2% ta’ €320 miljun.
Marthese Portelli qalet li n-nuqqas ta’ trasparenza u ħabi jispikka fis-settur kollu tal-enerġija, tant li aktar minn sena wara li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni fil-Parlament għal dibattitu dwar il-kuntratt tal-Power Station il-ġdida tal-gass, dan id-dibattitu għadu ma sarx. Hi insistiet li l-Gvern iressaq dan id-dibattitu fil-Parlament mill-aktar fis possibbli.
Minn naħa tiegħu, Claudio Grech emfażizza l-importanza li dibattitu daqshekk importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna, bħal dak tal-enerġija, għandu jsir fuq il-bażi tal-fatti u mhux fuq spekulazzjonijiet. Il-Gvern għandu obbligu li jippreżenta dawn il-fatti sabiex il-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-imsieħba soċjali, jkunu jistgħu jevalwaw dak li sar, dak li qed isir u kif dan jista’ jittejjeb. Kull deċiżjoni li qed tittieħed f’dan is-settur għandha impatt fit-tul u għalhekk ikun ħafna aktar għaqli li wieħed jiġbor kunsens wiesgħa dwar dak li qiegħed isir.
Claudio Grech saqsa diversi mistqosijiet dwar kif l-investiment maqbul bejn il-Gvern u Shanghai Electric qiegħed effettivament jirriżulta fil-pożizzjoni finanzjarja tal-Enemalta. Hu staqsa kif huwa strutturat il-qafas kuntrattwali bejn l-Enemalta u l-kumpanija li qed topera l-impjant ta’ Delimara u x’inhuma r-rati li bihom l-Enemalta qed tħallas lil din il-kumpanija għall-użu ta’l-impjant. Hu staqsa wkoll kif ser isir l-investiment fil-konverzjoni għall-LNG u kif jekk dan hux ser ikollu impatt fuq ir-rata li bih l-Enemalta tixtri l-elettriku.
Claudio Grech ikkonkluda billi appella lill-Gvern biex issir diskussjoni infurmata fil-Parlament fejn mhux biss il-politiċi iżda anke l-imsieħba soċjali jkunu ppreżentati b’din l-informazzjoni kollha sabiex isir dibattitu san kif jixraq f’demokrazija moderna, fejn l-analiżi u l-kritika tkun tista’ ssir fuq il-fatti u mhux fuq il-konġenturi.
//= $special ?>