Internazzjonali

L-emails ta’ Clinton mill-ġdid taħt investigazzjoni

epa05349223 US Democratic Presidential candidate and former Secretary of State Hillary Clinton speaks to supporters during a campaign rally at Leimert Park in Los Angeles, California, USA, 06 June 2016. The state of California will hold presidential primary elections on 07 June 2016. EPA/PAUL BUCK

Id-Dipartiment tal-Istat fl-Istati Uniti għandu jerġa’ jibda l-investigazzjoni dwar il-mod kif Hillary Clinton ħadet ħsieb materjal klassifikat fi żmienha bħala Segretarju tal-Istat Amerikan.

Clinton, li qed tħejji biex tikkontesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’isem il-Partit Demokratiku, din il-ġimgħa semgħet li mhix se tiffaċċja akkużi kriminali dwar il-mod kif hi kienet użat l-email privat. L-FBI qal li għalkemm Clinton kienet irċeviet u bagħtet materjal sensittiv, ma kienx hemm provi dwar ‘intenzjoni speċifika’ min-naħa tagħha.

Iżda ladarba għalqet dik l-investigazzjoni, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan għandu jiftaħ mill-ġdid ir-review partikulari, li, minbarra Clinton, se jinkludi wkoll uħud mill-ekskollaboraturi tagħha li llum kollha spiċċaw minn mad-Dipartiment.

Kelliema għad-Dipartiment tal-Istat qalu li mhux beħsiebhom jimponu deadlines ‘artifiċjali’ għall-proċess u sostnew li eksuffiċjali jistgħu xorta jiffaċċjaw ‘sanzjonijiet amministrattivi’.

Hillary Clinton, li dan ix-xahar tkun ikkonfermata uffiċjalment bħala l-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-White House, spiċċat minn Segretarju tal-Istat Amerikan fl-ewwel xhur tal-2013.