Internazzjonali

L-Iraq: Għexieren ta’ maqtula mill-ISIS f’Balad

Elementi armati tal-ISIS, fosthom aggressuri suwiċida, wettqu attakki kordinati fuq il-belt ta’ Balad fejn inqatlu almenu 40 persuna. In-numru tal-vittmi mistenni jitla’ fis-sigħat sussegwenti, wara li t-terroristi kkonċentraw fuq is-santwarju tax-Xiti fil-lokalità, li hu ddedikat lil Sayid Mohammed bin Ali al-Hadi.

Ir-rapporti qalu li, almenu, aggressur wieħed tajjar l-isplużivi li kien qed iġorr fuq persuntu, bi grupp ta’ terroristi armati, imbagħad, jassadjaw is-santwarju.

Ingħad ukoll li ‘tieni terrorista suwiċida’ tajjar bomba qalb il-folol tad-devoti li kienu qed jaħarbu miz-zona. L-attakk, fl-istess ħin, ħalla ’il fuq minn 50 midruba.

Dak il-ħin, numru kbir ta’ devoti kienu qed jiċċelebraw il-festival ta’ Eid al-Fitr, li jissimbolizza t-tmiem tax-xahar qaddis tar-Ramadan għall-Iżlamiċi.

Sadanittant, iċ-ċifra tal-mewt mill-attakk suwiċida kbir ta’ nhar il-Ħadd, mill-ISIS, f’Bagdad, reġgħet telgħet – din id-darba għal qrib it-300 vittma.

Fl-istess ħin, komplew ir-riperkussjonijiet wara l-attakk tal-Ħadd, li kien wieħed mill-agħar fl-Iraq għal dawn l-aħħar snin, fost l-għadab tal-poplu. Dan meta l-Prim Ministru Iraqi, Haider al-Abadi, keċċa tliet uffiċjali ewlenin tas-sigurtà fuq bażi ta’ ‘inkompetenza’. L-Uffiċjali mkeċċija kienu jinkludu l-Kap tas-sigurtà għal Bagdad u l-Kap tas-servizzi sigrieti tal-Ministeru għall-Intern fiz-zona tal-kapitali.