Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, qed jistenna li r-Renju Unit jibqa’ xorta kontributur ewlieni għas-sigurtà tal-Ewropa minkejja l-iżviluppi tal-Brexit. Fl-istess ħin, Obama jemmen li l-Britanniċi – li vvutaw biex itemmu l-isħubija fl-Unjoni Ewropea — se jkunu jistgħu jaslu fi ‘ftehim għal tranżizzjoni’ mal-UE li jimxi fuq skeda ppjanata.
Filwaqt li l-Mexxejja tan-NATO jinsabu l-Polonuja għal summit importanti li qed isir fil-belt ta’ Varsavja, Obama sostna li ftit għandu dubji li r-Renju Unit se jibqa’ wieħed mill-aktar membri kapaċi tal-Alleanza. Is-summit qed jikkonċentra fuq il-potenzjal ta’ theddida mir-Russja, iżda fil-verità, il-kunċett tal-Brexit u l-vot storiku tal-Britanniċi biex iħallu l-UE qed jingħataw l-ogħla priorità fuq l-aġenda tat-taħditiet.
Wara l-Istati Uniti, ir-Renju Unit jirrappreżenta t-tieni l-akbar qawwa militari tan-NATO.
Intant, il-President Obama iltaqa’, f’Varsavja, mal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, u mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker. Il-Mexxej Amerikan, fl-istess ħin, informa konferenza tal-aħbarijiet li l-vot għall-Brexit ħoloq l-inċertezza dwar il-futur tal-integrazzjoni Ewropea.
Madankollu Obama ċaħad li l-Brexit jissimbolizza l-kroll eventwali tas-sistema tas-sigurtà għall-Ewropa. Filwaqt li esprima fiduċja li Londra u l-UE se jaħdmu flimkien b’mod prammatiku, Obama wissa wkoll li ‘ħadd ma għandu interess li jtawwal in-negozjati fi spirtu ta’ ostilità’.
Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, min-naħa tiegħu, hu fiduċjuż li r-Renju Unit u l-UE se jsibu t-triq ta’ koperazzjoni u li l-Britanniċi jibqgħu alleati impenjati f’din l-Alleanza ta’ pajjiżi.
Mistenni li l-Prim Ministru Britanniku David Cameron ukoll jenfasizza l-impenn tar-Renju Unit għan-NATO waqt is-summit ta’ Varsavja. Dan meta n-NATO qed taqbel biex, is-sena d-dieħla, issaħħaħ id-difiżi tal-alleanza b’erba’ battaljuni multinazzjonali fl-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja.
Il-battaljuni se jinkorporaw xi 3,000 truppi mir-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-Ġermanja u l-Kanada u l-membri tan-NATO ħadu d-deċiżjoni wara li r-Russja, fl-2014, ħatfet l-art tal-Krimea lill-Ukrajna u għaqqditha mat-territorju tagħha.
//= $special ?>