Internazzjonali

Pulizija maqtula u feruti fi sparatura f’Dallas…Aggressur ‘ried joqtol lill-bojod’

Il-belt ta’ Dallas, fl-Istat Amerikan ta’ Texas, għaddiet minn tensjoni kbira fost il-qtil ta’ ħames pulizija fi sparatura. Il-vjolenza żbruffat waqt li kienu għaddejjin protesti f’Dallas dwar il-qtil ta’ rġiel suwed mill-pulizija waqt inċidenti separati li seħħew xi jiem ilu.

L-isparar beda proprju meta d-dimostranti f’Dallas kienu qed jimmarċjaw biex jesprimu l-għadab għall-qtil inġustifikat ta’ żewġ irġiel taħt idejn il-pulizija. Iż-żewġ każi rispettivi kienu seħħew fl-inħawi ta’ Minnesota u Louisiana.

Fl-aħħar inċidenti f’Dallas, raġel armat ikkonfronta lill-pulizija sal-punt fejn hu inqatel fi stand-off. Ir-rapporti qalu li r-raġel mejjet żvela li ħassu urtat dwar it-trattament vjolenti tas-suwed taħt idejn il-pulizija filwaqt li saħaq li ‘ried joqtol il-massimu possibbli ta’ uffiċjali bojod.’

Is-suspettat qal lill-pulizija li kien qed jaġixxi waħdu waqt id-drama iżda numru ta’ uffiċjali tennew li numru ta’ pulizija ‘inqatlu u sfaw feruti minn snipers’ waqt li kienu għaddejjin id-dimostrazzjonijiet f’Dallas.

Il-Pulizija f’Dallas qed tipprova tikseb aktar informazzjoni li tista’ tgħinha fl-istħarriġ. L-aħħar rapporti kkonfermaw li minbarra l-mejtin hemm ukoll seba’ pulizija midruba u bil-qawwiet tal-liġi jarrestaw mill-anqas tliet persuni.

Il-vjolenza f’Dallas tirrifletti l-aktar jum qattiel għall-pulizija Amerikana mill-11 ta’ Settembru tal-2001, meta terroristiċi tal-Al-Qaida kienu wettqu l-attakki storiċi fuq l-ibliet ta’ New York u Washington.

Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama kien fost l-ewwel li tkellem dwar id-dmija f’Dallas u, waqt diskors fil-Polonja, fisser l-isparatura bħala attakk kodard u premeditat fuq il-membri tal-qawwiet tal-liġi li tefa’ lill-Amerikani kollha f’luttu.

Skont l-aħħar rapporti, il-pulizija jemmnu li numru ta’ suspettati kienu qed jaħdmu flimkien ‘fejn użaw l-azzarini biex jattakkaw lill-membri tal-korp meta d-dimostrazzjoni (f’Dallas) kienet qrib konklużjoni’. Mifhum li xi snipers fetħu n-nar ‘minn pożizzjonijiet fil-għoli’ għal fuq il-pulizija ‘bil-ħsieb li joqtlu numru sostanzjali ta’ membri tal-qawwiet tal-liġi’.