Internazzjonali

It-Tajwan: Suspettat b’konnessjoni ma’ bomba fuq ferrovija

Il-Pulizija Tajwaniża identifikat raġel li jaħsbu li kien responsabbli għal splużjoni ta’ pipe-bomb fuq ferrovija li ħalliet, almenu, 20 midruba.

Is-suspettat, Lin Ying-chang ta’ 55 sena, spiċċa midrub kritikament u kien għadu ma ġiex f’sensih skont l-aħħar bullettini tal-aħbarijiet. Ir-rapporti fil-fatt qalu li hu qed jinżamm ħaj fuq il-magna.

Il-pulizija qabblet il-marki tas-swaba’ ta’ dan ir-raġel ma’ marki li nstabu fuq parti ta’ tagħmir splużiv qrib il-ferrovija. L-isplużjoni partikolari kienet seħħet nhar il-Ħamis f’Tajpei, il-kapitali tat-Tajwan u l-iskopijiet wara l-attakk mhumiex ċari.

L-isplużjoni laqtet il-ferrovija meta hi kienet dieħla fl-istazzjon ta’ Songshan, b’uħud mill-passiġġieri jsofru ħruq serju.

L-awtoritajiet Tajwaniżi qed ikomplu bl-investigazzjonijiet wara li nstab tubu twil tal-metall (imkisser) mimli bil-materjal splużiv u li kien tqiegħed ġo backpack.