Internazzjonali Lokali

Tensjoni fl-ajruport ta’ Napli – Titwaqqaf titjira li kienet ġejja Malta

Tensjoni fl-ajruport ta’ Napli, hekk kif il-Pulizija Taljana waqqfu ajruplan li kien ġej lejn Malta u ttardjaw it-titjira b’50 minuta, hekk kif abbord ajruplan tal-Easy Jet, intlemħet żgħażugħa Ingliża ta’ 17-il sena mbikkma, u li kienet akkumpanjata minn raġel ferm akbar minnha fl-eta’.

Qabel ma’ l-ajruplan telaq mill-ajruport, il-pilota induna u avża direttament lill-Uffiċju tal-Immigrazzjoni f’Londra, fejn ftit tal-ħin wara, l-Pulizija ħadet azzjoni immedjata u intervjeniet abbord l-ajruplan.

Sar magħruf li ż-żgħażugħa kienet f’relazzjoni sigrieta mal-akkumpanjant tagħha li kien abbord l-ajruplan, minkejja li l-istess raġel kien ferm akbar minnha. L-aġenti mill-Ingilterra kkonfermaw li din iż-żgħażugħa, qabel it-titjira, bagħtet messaġġ lill-ħabib tagħha f’Londra, fejn qaltlu li r-raġel li kienet miegħu waqqafha milli tikkuntattja lill-ħaddieħor bl-użu tal-mowbajl tagħha, u li lanqas tista’ tiċċaqlaq minn ħdejh mingħajr il-kunsens tiegħu.

Il-ħabib taż-żgħażugħa, hekk kif irċieva l-messaġġ, mal-ewwel avża l-familja taż-żgħażugħa, u immedjatament wara sar kuntatt mal-Uffiċju tal-Immigrazzjoni u l-Pulizija tal-Fruntiera f’Napli.

Il-Pulizija semgħu r-rakkont taż-żgħażugħa ta’ 17-il sena fil-konfront tar-raġel li kien qiegħed jakkumpanjaha, fejn il-Pulizija stabilixxiet li hemm elementi ta’ ħtif ta’ persuna u stalking, u li konsegwentament waqqaf il-liberta’ tal-istess żgħażugħa.

Iż-żgħażugħa ttieħdet fuq l-ewwel titjira lejn Londra sabiex tmur lura għand il-ġenituri tagħha, filwaqt li r-raġel akkużat bil-ħtif ingħata l-liberta’ proviżorja, u se jgħix għand familjari tiegħu fl-Italja stess.