Lokali

X’jistgħu jkunu l-effetti ta’ Brexit? L-MHRA tiddiskuti l-effetti ta’ Brexit fuq is-settur turistiku

Filwaqt li s-sitwazzjoni dwar il-vot tar-Renju Unit għadha waħda fluwida, ikun tajjeb li wieħed jara aspetti fejn jista’ jkun hemm effetti fuq is-settur turistiku Malti.

Kliem il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Ristoranti George Micallef, f’kummenti mal-kamra tal-aħbarjiet. Il-Ġimgħa waranofsinhar, l-MHRA nediet seminar sabiex tiddiskuti l-effetti ta’ Brexit fuq is-settur turistiku. L-iktar effett immedjat hu dak tal-kambju hekk kif il-Lira Sterlina waqgħet b’mod drastiku ftit sigħat wara li ħareġ ir-riżultat. Dan wassal biex żdiedet l-ispiża tal-ivvjaġġar.

George Micallef semma wkoll aspetti oħra ta’ Brexit li jistgħu jaffettwaw is-suq turistiku. Fosthom l-Open Skies Directive tal-UE li tagħti aċċess liberu lill-linji tal-ajru f’pajjiżi membri. F’dan ir-rigward, bħala pajjiż mhux membru, ir-Renju Unit irid jinnegozja xi ħaġa simili. Dan jista’ jkollu effett fuq is-sitt linji tal-ajru li jaħdmu rotot bejn Malta u r-Renju Unit.

Min-naħa l-oħra, il-ftehim ta’ saħħa b’xejn mar-Renju Unit hu wieħed bilaterali, u dan ipoġġi lil Malta f’vantaġġ biex tattira turisti Ingliżi fil-konfront ta’ pajjiżi oħra Ewropej li m’għandhomx ftehim simili.

Għaldaqstant, kompla George Micallef, is-sitwazzjoni hi waħda fluwida ħafna u l-għan ta’ dan is-seminar kien sabiex ikunu eżaminata oqsma li jistgħu jintlaqtu u jħejju għalihom.

George Micallef fakkar dwar l-importanza tas-suq Ingliż li jammonta għal 30% tal-wasliet f’Malta u n-nefqa medja tat-turist Ingliż hi ta’ €943, li hi għola mill-medja ġenerali tan-nefqa tat-turisti kollha li jaslu Malta.

Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li din hi sitwazzjoni li ma kienitx mixtieqa iżda li wieħed għandu jħejji għaliha. Hija sitwazzjoni wkoll li tista’ toffri opportunitajiet.

Rigward l-effett tal-waqa’ tal-isterlina, Edward Zammit Lewis qal li l-uffiċċju tal-MTA f’Londra diġa kellu taħdidiet mal-operaturi prinċipali fir-Renju Unit. Tlestiet ukoll kampanja ta’ reklamar speċifika f’każ li l-lira Sterlina tippersisti f’dawn il-livelli baxxi.

Seminar MHRA (4 of 8)