Lokali Mużika

Corazon Mizzi tirbaħ ‘L-Għanja tal-Poplu’

Il-Kantanta Corazon Mizzi rebħet l-erbgħin edizzjon tal-festival tal-kanzunetta Maltija ‘L-Għanja tal-Poplu’ bis-silta ‘X’se jsir?. Dan ma kienx l-unika unur li rebħet din il-kantanta, hija rnexxielha tirbaħ ukoll il-kategorija tal-aħjar kantawtriċi.

Fit-tieni post klassifikat id-diska ‘Ta’ Bil-Lejl’, kantata minn Neville Refalo bi kliem ta’ Paul Ellul u mużika ta’ Mark Spiteri Lucas filwaqt li Michela Bajada kisbet it-tielet post bid-diska “Mellisni” bi kliem ta’ Joe Chircop u mużika ta’ Mark Spiteri Lucas.

L-aqwa tema soċjali intrebħet mill-kanzunetta “Ta’ Bil-Lejl” tal-awtur Paul Ellul li titkellem dwar l-importanza ta’ ħin ta’ kwalita’ li għandu jingħata lill-ulied filwaqt li t-talent żagħżugħ rebħu l-kantant Jurgen Xerri.

Il-premju għall-aqwa interpretazzjoni ntrebaħ minn Nadine Fenech bil-kanzunetta “Il Biża’ u jien”.

Ingħata wkoll il-ġieh “L-Għanja li Tibqa’” lil mibki Martin Attard li ħadem ħafna għall-kanzunetta Maltija.  L-aktar kanzunetta tiegħu li baqgħet magħrufa hija “Pajjiż tal-Mickey Mouse” u għalhekk John Bundy interpreta din il-kanzunetta mal-orkestra.