Lokali

FILMAT: L-ineffiċjenza tad-Dipartiment tal-Artijiet hija “tat-twerwir” – Sandro Chetcuti

Id-dipartiment tal-Gvern, li fl-aħħar snin spiċċa f’nofs numru ta’ kontroversji minħabba l-iskandli ta’ Gaffarena u Cafe’ Premier (fost oħrajn), reġa’ ssemma għar-raġunijiet il-ħżiena.

Waqt laqgħa mis-sensiela “Gvern li Jisma'”, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) Sandro Chetcuti ħataf l-opportunità biex iwassal messaġġ lill-Gvern… messaġġ dwar “l-ineffiċjenza” ta’ dan id-Dipartiment.

“Id-Dipartiment tal-Artijiet tal-biża'” sostna Sandro Chetcuti fl-intervent tiegħu. “L-ineffiċjenza li hemm hija tat-twerir” żied jgħid il-President tal-MDA waqt li rrimarka kif fl-aħħar snin, id-Dipartiment tal-Artijiet qatt ma sejjaħ laqgħa mal-MDA.

“Aħna nirrappreżentaw l-ikbar imprendituri fil-pajjiż imma l-lands qatt m’għajtilna għal laqgħa waħda” irrimarka Sandro Chetcuti.

Skont Sandro Chetcuti, id-Dipartiment tal-Artijiet huwa ineffiċjenti. Madanakollu, fl-aħħar xhur sar magħruf kif fl-iskandlu Gaffarena, kien hemm pressjoni kbira minn Kastilja biex il-każ Gaffarena jitgħaġġel. Dan kien saħansitra ddikkjarat minn eks-Uffiċjal Għoli fid-Dipartiment tal-Artijiet.

Id-Dipartiment tal-Artijiet jaqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ntgħażlet minn Muscat biex tieħu ħsieb id-Dipartiment wara li Michael Falzon kien sfurzat jirriżenja minħabba l-iskandlu Gaffarena.

Il-kummenti ta’ Sandro Chetcuti saru waqt sessjoni “Gvern li Jisma'”. Għaliha attenda l-Ministru (bla portafoll) Konrad Mizzi. Mizzi ftaħar dwar il-proġetti tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija, fosthom il-bejgħ tal-enemalta liċ-Ċiniżi. Wara l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, Muscat kien ħabbar “reshuffle”, li kienet deskritta minn ħafna bħala “farsa”. Fir-reshuffle, Konrad Mizzi tneħħielu l-portafoll – iżda baqa’ responsabbli mill-istess proġetti li kien responsabbli għalihom qabel.