Internazzjonali

Hofer jibdel il-ħsieb dwar l-UE ‘u l-futur tal-Awstrija’

Il-kandidat estremista tal-lemin li qed jikkuntesta għall-Presidenza tal-Awstrija, issa, qed jagħmilha ċara li hu ma jridx li pajjiżu jitlaq mill-Unjoni Ewropea.

Il-kandidat, Norbert Hofer, b’hekk jidher li rtira mill-pożizzjoni oriġinali tiegħu rigward allegat referendum futur li jiddeċiedi l-futur tal-Awstrija.

Hofer qed jittama li jirbaħ l-elezzjoni Presidenzjali tat-2 ta’ Ottubru wara li l-Partit tal-Ħelsien tiegħu ippreżenta b’suċċess rikors legali biex l-elezzjoni ssir mill-ġdid. Ir-rikors ibbaża fuq irregolaritajiet waqt il-votazzjoni annullata ta’ jiem ilu fejn Hofer kien tilef kontra l-kandidat Alexander Van der Bellen li hu appoġġjat mill-Ħodor.

Norbert Hofer, issa, jemmen ‘li jkun żball’ li l-Awstrija tispiċċa mill-UE meta hu, qabel, kien indika li pajjiżu jista’ jorganizza referendum dwar l-Unjoni Ewropea, wara l-riżultat tal-Brexit fir-Renju Unit.

Fil-fatt, Hofer jinsisti li ‘jħossu mdejjaq li n-nies jistgħu jaħsbu li hu favur li pajjiżu ma jiffurmax aktar parti mill-grupp ta’ Stati Ewropej’.