Ħuta velenuża li invadiet il-baħar Mediterran daħlet ukoll fl-ibħra Maltin, dan ġie mħabbar ftit tal-jiem ilu mill-Grupp tar-riċerka tal-Konservazzjoni tal-Bijoloġija fl-Universita’ ta’ Malta.
Din l-aħbar ingħatat ftit jiem wara li l-ġurnal the Times of Malta rraporta li l-ħuta velenuża magħrufa bħala Lionfish li propjament hija oriġinata mill-Oċejan Indjan u Paċifiku ikkolonizzat żoni mill-kosta Ċiprijotta.
Il-Grupp tar-Riċerka qal li issa l-ħuta waslet Malta. Huma qalu li minbarra li identifikaw din l-ispeċi ta’ ħuta, kemm morfoloġikament u kemm ġenetikament, ir-riċerka kontinwa tagħhom tinvestiga wkoll l-impatt li din il-ħuta jista’ jkollha fuq ħut ieħor li diġa jinsab fl-ibħra Maltin. Ambjentalisti qalu li din il-ħuta tiekol ħut ieħor u għalhekk mistenni li b’xi mod jew ieħor ikun hemm forma ta’ impatt fuq speċi oħrajn.
Ingħad li l-Lionfish tista’ tkun ta’ periklu wkoll għall-għawwiema hekk kif it-tingiża tagħha tista’ tikkawża uġigħ kbir li saħansitra ġieli anke ssarraf f’paraliżi jew anke kien fatali.
Madanakollu aħbar forsi kemxejn tajba għal dawk li jħobbu l-platti tal-ħut hija li din il-ħuta hija magħrufa li hija ferm tajba għall-ikel. Infatti minħabba t-tjubija tagħha fuq il-platt, lil’hinn minn xtutna mhux l-ewwel darba li saru kampanji biex din il-ħuta tiġi maqbuda u mikula biex b’hekk jiżdied l-ħarsien tal-ambjent u tal-ħut lokali taż-żona.
Infatti hemm bosta metodi li s-sajjied jista’ juża biex jikkontrolla din il-ħuta dejjem jekk isegwi l-prewkazzjonijiet kollha tas-sigurta’ li għandhom jittieħdu meta tistad għal din l-ispeċi.
//= $special ?>