Angela Eagle, li jiem ilu rriżenjat bħala membru tax-Shadow Cabinet tar-Renju Unit, beħsiebha tħabbar, nhar it-Tnejn, li se tikkuntesta għat-tmexxija tal-Partit Laburista Britanniku, fl-Oppożizzjoni.
Eagle, li sa ftit lu kienet il-kelliema Laburista għall-kummerċ, qalet li l-Kap Laburista attwali, Jeremy Corbyn, naqas ‘milli jmexxi partit organizzat u effettiv’. Dan meta l-istess Corbyn għadu qed ikun ikkritikat talli naqas minn kampanja konkreta biex ir-Renju Unit ikompli bħala membru tal-Unjoni Ewropea.
Sadanittant, kelliema għal Corbyn sostnew li ‘hu se jibqa’ Kap tal-Laburisti’ u li hu ‘se jikkonfronta kwalunkwe sfidant min-naħa tal-partit’.
Jeremy Corbyn qed jirrifjuta li jwarrab mit-tmexxija tal-Partit Laburista minkejja l-vot ta’ sfiduċja fih, ix-xahar li għadda, min-naħa tad-deputati parlamentari Laburisti.
Irriżenjaw ukoll numru ta’ membri tax-Shadow Cabinet Laburista wara li l-Britanniċi ivvutaw għall-Brexit fl-aħħar referendum li ddeċieda li r-Renju Unit għandu jiffaċċja l-futur barra l-UE.
//= $special ?>