Internazzjonali

Jaħsbu li aġixxa waħdu fil-qtil tal-pulizija ta’ Dallas

Uffiċjali fl-Istati Uniti, issa, qed jemmnu li r-raġel suspettat bil-qtil ta’ ħames pulizija waqt l-isparatura ta’ nhar il-Ġimgħa, f’Dallas, kien qed jaġixxi waħdu. Dan waqt li s-Sindku ta’ Dallas, Mike Rawlings, iddikjara ‘li din il-belt, issa, hi ħielsa mill-periklu’.

Għalkemm l-uffiċjali, sigħat qabel, kienu indikaw li l-attakk fuq il-pulizija kien wieħed ikkordinat u li sar ‘bl-involviment ta’ aktar minn sniper wieħed’, żdiedu, issa, l-istqarrijiet li l-istraġi wettaqha raġel waħdu, bl-isem ta’ Micah Johnson, li kien serva għal żmien mal-qawwiet tal-Istati Uniti fl-Afganistan. Johnson kien spiċċa maqtul waqt il-konfront tal-Ġimgħa mal-pulizija.

L-isparatura, li fiha anki ndarbu numru ta pulizija, seħħet meta kienet għaddejja dimostrazzjoni ta’ protesta, f’Dallas, kontra l-qtil ta’ żewġ irġiel suwed mill-pulizija waqt inċidenti separati f’Minnesota u Louisiana. Saru wkoll diversi rallies simili li attiraw l-eluf tan-nies f’numru kbir ta’ bliet oħrajn Amerikani.

Intant, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet f’Dallas sellmu lill-memorja tal-pulizija maqtula fost iċ-ċerimonji solenni. Rapporti oħra qalu li l-pulizija li fittxew fid-dar ta’ Micah Johson sabulu materjal għall-produzzjoni tal-bombi flimkien ma’ diversi azzarini.

Il-Kap tal-Pulizija ta’ Dallas David Brown u s-Segretarju Amerikan għal Homeland Security, Jeh Johnson, ukoll qalu li r-raġel armat kien ikkonfronta lill-pulizija waħdu iżda l-awtoritajiet xorta qegħdin ikomplu jinvestigaw kull teorija possibbli. Dan meta l-Gvernatur ta’ Texas, Greg Abbott għamilha ċara li l-pulizija mhuma se jħallu xejn lura sakemm jaċċertaw li eliminaw kwalunkwe suspettat potenzjali jew elementi li setgħu servew kumplott premeditat kontra l-qawwiet għaż-żamma tal-liġi.

Filwaqt li kienu saru numru ta’ arresti wara l-isparatura tal-Ġimgħa, ma ħarġux dettalji dwar il-persuni li kienu qegħdin jgħinu t-taħriġ tal-pulizija.