Mistennija li jkun hemm azzjonijiet industrijali mix-xufiera tal-Ambulanzi f’Għawdex. Dan hekk kif qed tkun allegata diskriminazzjoni magħhom wara li xufiera bħalhom fl-Isptar Mater Dei mill-ħmistax ta’ Ġunju kellhom titjib fil-pagi.
Kollox beda meta x-xufiera f’Malta intbagħtu għall-kors biex itejbu l-operat tagħhom bil-konsegwenza li ladarba ntemm il-kors mill-15 ta’ Ġunju kellhom titjib fil-pagi minħabba li telgħu għall-iskala 13 fis-sistema ta’ kif jaħdmu is-salarji taċ-Ċivil.
Madankollu x-xufiera f’Għawdex ma ssejħux biex isegwu l-istess kors u għalhekk ma setgħux igawdu huma wkoll minn dan it-tibdil fis-salarji.
Għalhekk minħabba dan, il-UĦM talbet biex b’mod immedjat u bħal sħabhom f’Malta, ix-xufiera tal-ambulanzi f’Għawdex jibdew igawdu wkoll mit-titjib tal-pagi. Il-UĦM qed tisħaq li dan it-tibdil ma sarx, mhux minħabba l-ħaddiema ,imma minħabba t-tmexxija tal-isptar.
Għalhekk saħqet li l-ħaddiema Għawdxin għandhom jibdew igawdu minn skala 13 ukoll mill-15 ta’ Ġunju li għadda, u l-kors isir ukoll għal dawn ix-xufiera.
Sa issa għadu mhux ċar x’tip ta’ azzjonijiet industrijali se jkunu qed jittieħdu, iżda l-azzjoni industrijali kienet reġistrata u mhux eskluż li l-ewwel azzjonijiet jittieħdu bejn it-Tnejn u t-Tlieta.
Il-UĦM mistennija jkollha aktar laqgħat mal-management tal-isptar t’Għawdex bl-iskop li tinstab soluzzjoni.
//= $special ?>