Bħalissa hu dak iż-żmien tas-sena meta l-ewwel frieħ tal-Garnija (Yelkouan Shearwater) ikunu qed iħallu l-bejta fl-irdumijiet u jibdew jitgħallmu kif jaħsbu għal rashom fuq il-baħar.
Sfortunatament, f’dan il-mument delikat dawn l-għasafar żgħar ħafna drabi jitħawdu meta jaraw id-dwal qawwija u ħafna minnhom jispiċċaw fuq l-art. Din l-ispeċi ta’ għasafar tal-baħar issib diffikultà fuq l-art fi żmien meta l-frieħ lanqas ikunu għadhom kapaċi joqogħdu fuq saqajhom u għalhekk ikunu jinħtieġu l-għajnuna. Jekk tara xi wieħed minn dawn wieqaf xi mkien, tista’ ċċempel lil BirdLife Malta li tibgħat lill-membri tagħha mill-ewwel fil-post biex jipprovdu l-għajnuna. In-numri tat-telefon tal-uffiċċji ta’ BirdLife Malta huma 2134764 5/6 waqt li barra l-ħinijiet tal-uffiċċju (filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa) tista’ ċċempel fuq 79255697.
Il-Garnija hija s-suġġett tal-aktar proġett riċenti li daħlet għalih BirdLife Malta b’kofinanzjament minn fondi Ewropej – il-proġett LIFE Arċipelagu Garnija. Dan għandu l-iskop li jagħmel mill-Gżejjer Maltin santwarju tal-Garnija u aktar dettalji jistgħu jinkisbu minn http://birdlifemalta.org/arcipelagugarnija.
Sadanittant, bħalissa huwa wkoll l-istaġun meta jkunu qed ilestu biex itiru l-frieħ tal-Għasafar tal-Bejt (Spanish Sparrow). F’dan iż-żmien tas-sena dawn l-għasafar ikunu qed jitgħallmu jtiru u ħafna drabi jispiċċaw mal-art huma u jagħmlu dan. Imma tinkwetax! Dan hu parti mill-proċess naturali tal-iżvilupp tagħhom u l-ġenituri xorta waħda jkunu qed jieħdu ħsieb lill-ferħ. Għalkemm hi fażi delikata, f’dawn il-każi mhu meħtieġ l-ebda intervent. Jekk issib xi ferħ ta’ Għasfur tal-Bejt u taħseb li jkun fil-periklu kulma għandek tagħmel hu li tiġbru mill-art u tpoġġih f’xi post aktar fil-għoli bħal pereżempju fuq xi ċint, inkella zokk ta’ siġra.
L-aħjar ħaġa li tista’ tagħmel f’każ bħal dan hu li tħallih f’idejn il-ġenituri.