Filwaqt li hu tajjeb li l-pajjiż ikollu ekonomija b’saħħitha, il-Gvern għandu jiżgura li t-tkabbir tagħha jilħaq lil kulħadd.
Waqt intervista li xxandret fuq l-istazzjon F-Living, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-ekonomija kompliet tikber fuq il-bażi li nbniet mill-Gvernijiet ta’ qabel, ewlenija fosthom, id-deċiżjoni ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-ekonomija trid trendi għall-iktar nies vulnerabbli. U dan mhux qed jiġri għaliex l-għoli tal-ħajja fuq l-ikel spara ‘l fuq u l-ikel hu n-nefqa prinċipali tal-iktar nies vulnerabbli.
Simon Busuttil qal ukoll li l-PN jemmen li l-Gvern m’għandux ikun fuq quddiem fl-ekonomija iżda jħalli l-inizzjattiva privata issuq l-ekonomija, bil-Gvern joħloq l-inċentivi. Hu qal li l-proposti tal-PN fl-ekonomija, bħal f’diversi oqsma oħra, diġa huma pubbliċi, sabiex il-poplu jkun jaf minn qabel x’alternattivi qed joffri u r-reazzjonijiet għalihom iwasslu biex ikompli jtejjeb il-proposti.
Il-Kap tal-PN saħaq dwar l-importanza tal-komunikazzjoni mal-pubbliku, iżda mhux fis-sens li n-nies jispiċċaw tallaba tal-Ministri. Hu tenna li f’dawn l-aħħar tliet snin, il-klijenteliżmu spiċċa f’livelli estremi.
Simon Busuttil qal li hu veru li n-nies tilfu l-fiduċja fil-politiċi, speċjalment f’dawn l-aħħar snin meta Joseph Muscat ma żammx mal-wegħdiet prinċipali tiegħu ta’ Malta tagħna lkoll u t-trasparenza.
Hu kompla li ħafna nies kienu xebgħu mill-PN u daru fuq Joseph Muscat li spiċċa tradiehom u bir-raġun, tilfu l-fiduċja fil-politiċi. Simon Busuttil kompla li din hi r-raġuni għaliex id-dokument ta’ proposti tal-PN għal governanza tajba għandu t-titlu “Nibnu fiduċja ġdida fil-politika”.
Dwar l-enerġija, il-Kap tal-PN qal li l-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl u għalaq il-Power Station tal-Marsa grazzi għall-proġetti tal-Gvern Nazzjonalista, jiġifieri l-Power Station tal-BWSC u l-interconnector, għaliex il-power station li wiegħed li jlesti f’sentejn għadha ma tlestietx. Li jwassal għall-mistoqsija kemm verament hi meħtieġa l-power station il-ġdida.
Simon Busuttil kompla li għall-PN, l-ambjent hu l-kwalita’ ta’ ħajja b’mod ġenerali: is-saħħa, it-traffiku, il-kultura u l-ħin ħieles. Mistoqsi dwar proġetti nazzjonali, il-Kap tal-PN qal li l-prijorita’ hi li dawn isiru f’zoni tal-iżvilupp. Jekk dan mhux possibbli, id-deċiżjoni għandha tittieħed b’vot b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament. Dan sabiex id-deċiżjoni ma jibqax jeħodha l-Prim Ministru waħdu.
L-istess proposta ta’ vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament qed tiġi suġġerita għal ħatriet importanti fil-pajjiż bħall-President ta’ Malta, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta. Dan sabiex karigi ewlenin fil-pajjiż ikunu jgawdu l-fiduċja ta’ kulħadd.
//= $special ?>