Lokali

Aġġornata: Raġel jitlef ħajtu fil-Mellieħa wara li ttajjar minn karozza

Andre Debattista t’40 sena residenti l-Mellieħa tilef ħajtu dalgħodu għall-ħabta tas-6.30 wara li ttajjar fi Triq il-Marfa l-Mellieħa minn vettura tat-tip Toyota Passo misjuqa minn raġel ta’ 22 sena residenti l-Fgura. Il-vettura kienet fi triqitha lejn iċ-Ċirkewwa.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mmedjatament fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li waqt li raġel t’40 sena, missier ta’ zewgt itfal, kien qiegħed fl-imsemmija triq dan intlaqat minn karozza Toyota. Hekk kif il-vettura waqfet ftit metri bogħod, kien hemm kolliżjoni sekondarja bejn il-vettura Toyota u vettura oħra tat-tip Subaru J10 misjuqa minn raġel ta’ 39 sena residenti x-Xewkija.

Andre Debattista

Il-vittma ingħata l-ewwel assitenza minn tabib (ċiklist) li kien għaddej minn fejn seħħ l-inċident. Fuq il-post issejjaħ team mediku mill-Isptar Mater Dei sabiex jassisti l-vittma iżda sfortunatament ir-raġel tilef ħajtu.

Minħabba dan għal xi ħin it-triq ingħalqet

Il-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ filwaqt li infetħet inkjetsa mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr. Marcen Farrugia.