Splużjoni li saret f’ħanut tal-pastizzi f’Ħal Luqa matul il-lejl li għadda, ma ħalliet ebda konsegwenza serja. L-isplużjoni seħħet fi Triq Sant’Andrija ftit qabel is-2.00 ta’ filgħodu. Ħadd ma weġġa f’dan l-inċident, għalkemm il-ħanut ġarrab ħsarat estensivi.
Mal-wasla fuq il-post il-Pulizija, innutaw nirien f’pastizzerija li tinsab viċin fi Triq Sant’Andrija. Fl-istess mumenti ġew innutati li x-shutter u t-tieqa tal-ħanut kienu inqalgħu aktarx bl-istess splużjoni u spiċċaw fit-triq.
Hekk kif raw dan, il-Pulizija bdew immedjatament jevakwaw kemm ir-residenzi li jinsabu fuq il-pastizzerija kif ukoll residenzi oħrajn li kienu fuq wara. Sakemm il-Pulizija kienet qed tagħmel dan l-eżerċizzju ta’ prekawzzjoni seħħew żewġ spluzzjonijiet oħra.
Minnufih fuq il-post waslu tliet vetturi tat-tifi tan-nar mill-istazzjon ta’ Ħal Far li kkontrolaw is-sitwazzjoni u kif ukoll mbulanza sabiex tassisti xi feruti li seta’ kien hemm, iżda fortunatament, ħadd ma indarab.
Il-kawża tal-ispluzzjonijiet għadha mhijiex magħrufa.
Bil-każ ġiet infurmatha l-Maġistrat tal-Għassa Dr M. Farrugia LLD li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>