Aġġornata
Surġent tal-Pulizija li kien qed isuq mutur weġġa’ ħafif wara li ttajjar minn karozza. Is-surġent għandu 34 sena u hu residenti Raħal Ġdid. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.15 ta’ waranofsinhar fi Triq Diċembru 13 fil-Marsa. Is-surġent huwa stazzjonat fis-sezzjoni tat-traffiku.
Is-surġent kien wieqaf bil-mutur quddiem it-‘traffic lights’ meta vettura oħra baqgħet dieħla fih. Il-vettura l-oħra, tat-tip Daihatsu Sirion, kienet qed tinstaq minn mara ta’ 26 sena minn Ħaż-Żebbuġ. Iż-żewġ vetturi kienu qed jinstaqu fid-direzzjoni lejn il-Belt Valletta.
Kawża tal-impatt, is-surġent u l-mutur tkaxkru għal diversi metri. Ambulanza li marret fuq il-post ħadet lis-surġent l-isptar Mater Dei fejn hemmek kien ċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura ħafifa. L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.