Internazzjonali

Tfalli prova ta’ missila mill-Korea ta’ Fuq

Il-Korea ta’ Fuq komunista wettqet prova ta’ missila ballistika li kienet sparata minn sottomarin u li dehret li falliet fil-fażi inizjali.

Sorsi infurmati fil-Korea t’Isfel qalu li l-missila kienet sparata mill-ibħra lejn il-Lvant tal-penisola Koreana, bħala l-aħħar f’sensiela ta’ testijiet tipiċi mill-Koreani komunisti.

Qed jingħad li din kienet it-tieni darba fi tliet xhur li l-Korea ta’ Fuq sabet l-intoppi biex ittella missila minn sottomarin u meta n-Nazzjonijiet Uniti tipprojbixxi lill-Korea ta’ Fuq minn kwalunkwe użu ta’ missili ballistiċi.

Kelliema għall-militar tal-Korea t’Isfel sostnew li filwaqt li l-aħħar missila ‘telgħet skont il-proċedura’ mis-sottomarin tal-komunisti, it-titjira inizjali ma rnexxietx. L-istess militar, sadanittant, ikkundanna bl-aħrax ‘dawn l-azzjonijiet provokattivi min-naħa tal-Korea ta’ Fuq’.

Il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti, fi tmiem il-ġimgħa, qablu biex jistazzjonaw sistema ta’ difiża għal kontra attakk missilistiku bħala prekawzjoni kontra t-theddid min-naħa tar-reġim komunista fi Pyongyang. Dan wara li l-Istati Uniti imponiet sanzjonijiet fuq il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, waqt li r-reġim ta’ Pyongyang ħareġ ifisser din l-azzjoni bħala ‘dikjarazzjoni ta’ gwerra bil-miftuh’.