Lokali Transport

It-Tnejn li ġej se jsiru xogħlijiet ta’ livell tat-triq fil-Kappara

Fi stqarrija ntqal li l-kuntrattur se jkun qiegħed jaħdem fuq in-naħa tal-pixxina, fi Triq Mikiel Anton Vassalli, għall-ġimgħat li ġejjin. Parti mit-triq se tkun magħluqa, madanakollu erbgħa korsiji se jibqgħu aċċessibli.

Matul il-lejl ta’ nhar it-Tnejn, wara t-20:00, il-kuntrattur se jpoġġi barrikati u se jiżbogħ sinjali ġodda fit-triq biex iressaq il-korsiji lejn in-naħa tal-Universita’.

Min-nhar it-Tlieta filgħodu, in-naħa tal-Universita’ tat-triq, b’żewġ korsiji ‘l fuq u żewġ korsiji ‘l isfel, se tibqa’ aċċessibli għall-vetturi waqt li l-kuntrattur se jaħdem fil-livell tat-triq fin-naħa tal-pixxina. Il-kuntrattur se jimplimenta s-servizzi, se jinstalla s-sistemi li jilqgħu l-ilma u se jbaxxi l-livell tat-triq.

Transport Malta qed twaħħal ukoll sinjali tat-traffiku biex tindika rotot alternattivi waqt li jkun għaddej ix-xogħol fuq il-proġett tal-Kappara.

Jekk jogħġbok żur is-sit news.transport.gov.mt u kkonsulta l-ktejjeb li tqassam fid-djar biex tkun familjari mar-rotot alternattivi.