Lokali

Waqt “Gvern li Jisma’”, Konrad Mizzi jirrifjuta li jkun intervistat mill-ġurnalisti

Waqt laqgħa mis-sensiela “Gvern li Jisma’”, il-Ministru bla portafoll Konrad Mizzi rrifjuta li jkun intervistat mill-ġurnalisti dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama.

L-iskandlu, li faqqa’ ftit tax-xhur ilu, wassal għal sejħiet biex Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, jirriżenjaw. Fl-iskandlu, Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu li għandhom kumpaniji sigrieti fil-Panama, ‘trusts’ fi New Zealand, u li pprovaw jiftħu wkoll kontijiet bankarji sigrieti.

Fi tmiem il-laqgħa ta’ “Gvern li Jisma’”, Konrad Mizzi rrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar l-iskandlu tal-Panama u qal li l-mistoqsijiet għandhom ikunu biss dwar dak li ġie diskuss waqt il-laqgħa.

Mal-wasla tiegħu għal-laqgħa ta’ djalogu mal-pubbliku, Konrad Mizzi ngħata merħba ta’ eroj minn dawk preżenti b’ċapċip ewforiku. Waqt il-laqgħa, Mizzi ftaħar dwar il-proġetti tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija, fosthom il-bejgħ tal-enemalta liċ-Ċiniżi.

Wara l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, Muscat kien ħabbar “reshuffle”, li kienet deskritta minn ħafna bħala “farsa”. Fir-reshuffle, Konrad Mizzi tneħħielu l-portafoll – iżda baqa’ responsabbli mill-istess proġetti li kien responsabbli għalihom qabel.

Waqt is-sessjoni “Gvern li Jisma’” saret kritika qawwija mill-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) Sandro Chetcuti, li ħataf l-opportunità biex iwassal messaġġ lill-Gvern… messaġġ dwar “l-ineffiċjenza” ta’ dan id-dipartiment. Agħfas hawn biex tara filmat bil-kummenti ta’ Sandro Chetcuti.