Andrew Mangion ta’ 40 sena mistenni li jitressaq il-Qorti b’diversi akkużi fosthom dik ta’ omiċidju volontarju fil-konfront tal-eksmara tiegħu Eleonor Mangion Walker. Dan kien ikkonfermat lil gazzetta Il-Mument minn sorsi qrib l-investigaturi. Is-sorsi kkonfermaw ukoll li Mangion se jitressaq il-Qorti hekk kif jieħu lura saħħtu. Bħalissa l-eksraġel tal-vittma qed jinżamm għall-kura u l-osservazzjoni psikjatrika taħt għassa stretta tal-Pulizija fl-Isptar Monte Carmeli. Hu ntbagħat l-Isptar Monte Carmeli hekk kif ċeda f’idejn il-Pulizija wara jumejn ta’ tfittxija għalih minħabba li huwa s-suspettat ewlieni f’dan id-delitt.
Il-Pulizija saret taf bid-delitt meta bħal-lum ġimgħa filgħaxija nstab il-katavru tal-vittma moħbi f’maħżen f’Ħal Qormi. Madankollu, l-investigazzjonijiet juru li l-mara nqatlet f’wieħed mill-garaxxijiet tad-dar tal-koppja Mangion fis-Swieqi minħabba t-traċċi ta’ demm li nstabu. Il-koppja Mangion kienet fil-proċess ta’ separazzjoni iżda huma kienu jgħixu taħt l-istess saqaf flimkien ma’ binthom ta’ disa’ snin.
//= $special ?>