BLOGS

Il-‘Brexit’ u Malta

Hekk kif bil-mod il-mod ir-Renju Unit beda jgħix ir-realtà li għażel li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi tal-istess Unjoni wkoll qed jirrealizzaw li dik hi x-xewqa tal-poplu Ingliż, li f’referendum għażel bi 52 fil-mija kontra 48 fil-mija li joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Bħalissa, il-Partit Konservattiv Ingliż jinsab fil-fażi li jagħżel is-suċċessur tal-mexxej tiegħu David Cameron, u sussegwentement Prim Ministru, qabel ikun deċiż jiskattax l-Artiklu 50 biex jibdew in-negozjati għall-ħruġ tar-Renju Unit.

Permezz tal-‘Brexit’ inħoloq vakum fil-politika Ingliża u għad irid jgħaddi ftit taż-żmien ieħor biex wieħed jara eżattament x’se jiġri. Iżda mhux qabel id-9 ta’ Settembru, meta għandu jkun magħruf il-Prim Ministru Ingliż, li ħafna jsostnu li se tkun Theresa May, li qalet li l-‘Brexit’ ifisser ‘Brexit’ u li din it-triq hija l-għażla li għandu quddiemu l-poplu Ingliż.

Wara kampanja qawwija min-naħa tal-‘Leave’ mmexxija minn politiċi bħal Boris Johnson u Nigel Farage, wara r-rebħa favur il-ħruġ dawn warrbu u ħallew il-problemi li żviluppaw wara r-riżultat tar-referendum f’ħoġor ħaddieħor. Kif dan kollu se jeffettwa lil Malta, meta wieħed jikkunsidra li r-Renju Unit huwa sieħeb mill-viċin f’diversi oqsma ma’ Malta, wieħed għad irid jara.

Iżda jekk wieħed janalizza ftit id-diskorsi li jlissen il-Prim Ministru Malti dwar din il-kwistjoni, donnu jieħu l-impressjoni li daqqa Muscat jikkritika lill-UE u jsostni li setgħet għamlet iktar, imbagħad isostni li allaħares Malta jkollha toħroġ mill-UE. Isostni li hu ż-żmien li l-UE tagħmel eżami tal-kuxjenza. Min-naħa l-oħra, isostni li huwa iktar interessat f’soluzzjonijiet li bihom l-UE timxi aħjar. Għalkemm jammetti li kien żball li kien kontra d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni, isostni li issa għadda ħafna żmien u għandna nimxu ‘l quddiem.

Imma kemm tista’ tafdah lil dan il-bniedem li jibdel il-fehma tiegħu skont fejn ikun qed jonfoħ ir-riħ? Mhux ta’ b’xejn li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil isostni li Muscat qed jagħti messaġġi konfliġġenti dwar ir-riżultat tal-‘Brexit Referendum’. Simon Busuttil sew jgħid li Muscat qed jilbes maskra favur l-UE iżda xi daqqiet din l-istess maskra tiżloqlu u tikxef min hu verament Joseph Muscat. Simon Busuttil fil-fatt isejjaħ lil Muscat Ewroxettiku u mhux Ewrorealistiku, kif jgħid li hu Joseph Muscat.

Mhux ta’ b’xejn li Simon Busuttil sejjaħ ir-reazzjoni tal-Gvern Malti għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE waħda populista u konfuża. Simon Busuttil mhux ta’ b’xejn isemmi li l-użu tal-kelma ‘Ewrorealista’ kif jgħid li hu Muscat, ipoggi lil Muscat fl-istess kejl mal-Ewroxettiku Nigel Farage.

Punt interessanti wkoll li wieħed jista’ jorbtu ma’ dan huwa meta Malta jkollha f’idejha l-Presidenza tal-UE. Simon Busuttil offra l-id tal-kooperazzjoni tal-PN lill-Gvern matul il-Presidenza, u dan għax il-PN għandu l-esperjenza meta kien hu li nnegozja s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni, u għaldaqstant kien lest joffri din l-esperjenza fl-interess nazzjonali. Iżda r-risposta tal-Prim Ministru kienet li aħjar il-PNjieqaf milli jikkritika jew imaqdar lil pajjiżna.

Dan żgur mhux dak li wieħed jistenna minn Prim Ministru li għandu fuq spallejh ir-responsabbiltà ta’ tmexxija ta’ pajjiż f’mumenti hekk diffiċli u daqstant importanti b’rabta mar-relazzjonijiet ta’ Malta mal-UE. Ovvjament, ħafna jiġihom f’moħħhom il-fatt li forsi ma jkunx il-każ li Simon Busuttil, lil Muscat, jeħodlu l-limelight fis-sitt xhur li Malta jkollha f’idejha l-Presidenza.

Jibqa’ l-fatt li l-PN jibqa’ dispost li jagħti s-sehem u l-għajnuna tiegħu lill-Gvern biex matul il-Presidenza jkun hawn front wieħed biex Malta toħroġ bl-unuri kollha. M’hemmx dubju li l-PN għandu ħafna x’joffri fil-preparazzjoni għall-Presidenza Ewropea. L-inqas ħaġa li l-Gvern Laburista jista’ jagħmel hi li jaċċetta din l-offerta ta’ ħbiberija tal-Oppożizzjoni.