Stennija kbira hekk kif illejla fid-disgħa tibda l-final tal-UEFA Euro 2016 bejn Franza u l-Portugal. Logħba li ser tintlgħab fl-iStade de France f’Pariġi u li bħala referee ser ikollha l-Ingliż Mark Clattenburg, li kien ukoll ir-referee fil-final tal-UEFA Champions League f’Mejju li għaddha bejn Real Madrid u Atletico Madrid.
Franza, li mill-ewwel bdew il-kompetizzjoni fost il-favoriti għar-rebħ tat-titlu, bla dubju ta’ xejn jibdew il-logħba tal-llejla mill-ġdid bħala favoriti anke għaliex f’għaxar logħbiet kontra l-Portugal sa mill-1975, Franza dejjem ħarġet rebbieħa filwaqt li tul l-istorja minn 24 logħba Franza ħarġet rebbieħa 18 il-darba u l-Portugal f’5 drabi. Les Bleus, kif inhu magħruf it-team nazzjonali Franċiż, jista’ wkoll jħares lejn l-Euro ta’ l-1984 u t-Tazza tad-Dinja ta’ l-1998, li ukoll saru fi Franza u spiċċaw bit-team Franċiż jirbaħ il-kompetizzjoni.
Minn naħa l-oħra għal Portugal rebħa llejla tkun tfisser ir-rebħ ta’ titlu prestiġġjuż għall-ewwel darba fl-istorja tat-team. Bla dubju ta’ xejn il-Portugal huma kemm xejn sorpriża f’din il-finali. Fil-fażi ta’ gruppi l-Portugal kisbet biss 3 draws. Wara kellha tissielet għal rebħa fil-ħin barrani kontra l-Kroazja, rebħa bil-penalties kontra l-Polonja sakemm sa fl-aħħar kisbet l-ewwel rebħa fid-disgħin minuta fis-semi finali kontra Wales.
Tul din il-kompetizzjoni Franza kisbet rebħa f’5 partiti u draw kontra l-Isvizzerra.
Intant skond is-sit tal-UEFA il-probabilita’ hi li fil-logħba tal-lejla jintlgħabu dawn iż-żewġ skwadri:
Portugal:- Rui Patrício; Cédric, Pepe, Fonte, Guerreiro; William Carvalho, Adrien, João Mário, Renato Sanches; Nani, Ronaldo
Franza:- Lloris; Sagna, Koscielny, Umtiti, Evra; Pogba, Matuidi; Sissoko, Griezmann, Payet; Giroud