Meta Il-Mument bdiet sensiela ta’ artikli dwar ir-riformi li se jsiru fid-Dipartiment tal-Artijiet, li se jwasslu biex tinħoloq l-Awtorità tal-Artijiet, Il-Mument ġiet ikkritika li qed ixxewwex u tagħti informazzjoni żbaljata lill-pubbliku. Iżda issa l-Gvern qed jikkonferma dak li din il-gazzetta ppubblikat, inkluż li l-liġi se tgħaddi mill-Parlament qabel jaġġorna għall-btajjel tas-sajf.
Fil-fatt, il-liġi ġiet ippubblikata il-ġimgħa li għaddiet u matul il-ġimgħa, għaddiet mill-Ewwel Qari fil-Parlament. B’hekk kulħadd issa jista’ jikkonferma li dak li din il-gazzetta kienet qed tgħid hu minnu.
Pressjoni minn Il-Mument waslet għal bidliet fl-Abbozz ta’ Liġi
Il-Mument qed tiżvela aktar aħbarijiet u dettajli dwar din il-liġi, li l-istess Segretarju Parlamentari Deborah Schembri tixtieq li jibqgħu moħbija.
L-ewwel punt importanti hu li hemm differenzi sostanzjali bejn il-liġi kif kienet ġiet originarjament proposta mill-Konsulent tal-Prim Ministru; l-Perit Robert Musumeci u kif ġiet ippreżentata din il-ġimgħa fil-Parlament. Wara dak li kienet qed tiżvela il-mument fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern kellu jmur lura fuq il-mejda biex ibiddel dettalji importanti mill-proposta oriġinali li saret minn Musumeci u l-esperti tiegħu.
Ifallu l-attentati ta’ Musumeci mal-ħaddiema
Grazzi għal Il-Mument u d-difiża li għamlet favur il-ħaddiema tad-Dipariment tal-Artijiet, issa l-istess ħaddiema ngħataw sena ċans, li matulha jistgħu jiddeċiedu dwar il-futur tagħhom. Dan ifisser li wara li titwaqqaf din l-awtorità u din tibda taħdem, il-ħaddiema għandhom sena ċans minn meta jidħol l-avviz legali biex jiddeċiedu jekk jibqgħux mal-Awtorità jew jerġgħu jmorru mal-Gvern. Din l-klawsola ma kinetx fl-abbozz tal-liġi oriġinali, tant li qatt ma ssemmiet fil-laqgħat li kien hemm mal-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Artijiet.
Grazzi għal din is-sensiela ta’ artikli, kien hemm numru ta’ ħaddiema li bdew jagħmlu pressjoni fuq is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri u l-General Workers’ Union biex ikunu jafu dwar il-futur tagħhom. Tant kien kbir il-paniku fis-segretarjat tal-Ministeru li Robert Musumeci beda jdur ’l hawn u ’l hemm biex isib nies biex ikellmu lill-ħaddiema tal-Artijiet u jgħidulhom li din il-liġi kif kienet tajba. Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li ħadd ma emmnu minn dawk li kellem, anki jekk il-pressjoni li Musumeci beda jagħmel kienet kbira, ma sab il-ħadd li kien lest jmur ikellem lill-ħaddiema waqt li hu baqa’ jirreżisti li jkellimhom. Kien f’dan l-istadju li ġie deċiż u ddaħħlet din il-klawsola ta’ sena biex iserrħu ras il-ħaddiema.
Riżultat tas-sensiela ta’ artikli li kienu pubblikati minn il-mument, il-Konsulent tal-Prim Ministru; Robert Musumeci kellu jaghmel ċertu tibdiliet anki jekk ma tantx xtaqt li jagħmilhomx.
Persuna oħra li ħadmet fuq dawn ir-riformi kienet tiftaħar li hija esperta fuq id-Dipartiment tal-Artijiet. Dan kollu għaliex meta kien student kien għamel perjodu żgħir jaħdem f’dan id-Dipartiment bħala student-ħaddiem; work-phase f’dipartment żgur ma jagħmlekx espert f’dak id-Dipartiment. Iżda wara l-artikli pubblikati minn il-mument, dan il-persuna ma tantx baqa’ jsemmi l-work-phase tiegħu f’dan id-Dipartiment.
Il-kwistjoni tar-Reġistru tal-Artijiet
Hekk kif l-Abbozz ta’ Liġi għandu jkun diskuss fil-Parlament, hemm punti f’din il-liġi li jeħtieġu aktar diskussjoni bħall-proposta tar-Reġistru tal-Artijiet li jsir parti minn din l-Awtorità ġdida. Espert f’dan il-qasam li tkellem ma’ il-mument qal li dan l-arranġament imur kontra l-interessi taċ-ċittadin. “Povru ċ-ċittadin li jkollu kwistjoni fuq titlu ta’ xi art mal-Gvern għaliex issa din l-Awtorità se jkollha l-kompetenza li tirreġistra l-artijiet u tagħmilha ta’ regolatur. Dan qisu avukat li qed jagħmilha ta’ difensur u prosekutur fl-istess kawża. Dan jista’ jagħti lok għall-abbuż serju u serq ta’ artijiet ta’ nies privati.”
Dan l-espert irrimarka li fl-imgħoddi, r-Reġistru tal-Artijiet u d-Dipartiment tal-Artijiet kienu dejjem separati minn xulxin u qatt ma kienu ħaġa waħda u llum qegħdin taħt Ministri differenti.
It-tneħħija tar-regolatur
Ir-regolatur li hemm illum se jitneħħa jew aħjar jimbela biex jiġi assorbit minn din l-awtorità l-ġdida. B’hekk dan se jkun ta’ detriment għaċ-ċittadin privat meta l-istess ċittadin ikollu kawża mal-Gvern fuq biċċa art li l-Gvern u ċ-ċittadin ikunu qed jgħidu li hija tagħhom.
Esperti legali li tkellem magħhom il-mument urew tħassib serju kemm dan jista’ jsir. Dawn l-esperti legali qalu li provediment bħal dan imur kontra l-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan għaliex ir-Reġistratur tal-Artijiet għandu rwol ukoll ta’ arbitur u issa jekk ikun hemm konflitt bejn iċ-ċittadin u l-Awtorità, l-istess Regolatur ma jistax jirregola kif suppost u b’imparzjalità. Hu se jkollu jirregola favur l-Awtorità. L-espert legali qalilna li diġà hemm ditti legali li lesti li jdaħħlu l-Gvern il-qorti minħabba dan il-provvediment. Aktar minn hekk, dan il-fatt li r-Regolatur se jkun parti mill-Awtorità se joħloq preċedent ikrah ħafna dwar l-imparzjalità tal-istess regolaturi.
Se tiżdied il-burokrazija
L-Abbozz ta’ Liġi li ġie ppreżentat din il-ġimgħa fil-Parlament qed jindika wkoll li dl-Awtorità l-ġdida se jkollha l-kompitu fuq it-territorju marittimu Malti. Esperti fil-qasam li tkellmet magħhom il-mument qalu li dan se joħloq konflitt ieħor. “Wieħed irid jiftakar li l-Awtorità Marittima kienet saret parti minn Transport Malta. Sal-lum, Transport Malta għand direttorat li qed jieħu ħsieb il-baħar. Issa ma’ Transport Malta se jkun hemm din l-Awtorità l-ġdida li se jkollha wkoll kompetenzi fuq l-istess baħar. Żgur se jkun hemm dak li jgħidilu bl-Ingliż overlapping of responsibilities” qalilna espert legali.
Hu kompla li b’hekk minflok se titnaqqas il-burokrazija, din se tiżdied aktar, għaliex issa se jkun hemm żewġ awtoritajiet b’kompetenzi fuq l-istess territorju. Dan juri l-konfużjoni li tirrenja fis-Segretarjat immexxi minn Deborah Schembri. L-esperti legali li tkellmet magħhom il-mument qalulna li dawn it-tip ta’ proposti juri inkompetenza grassa u qatt ma stennew li dawn it-tip ta’ proposti se jkunu approvati minn Segretarju Parlamentari li qiegħda hemm biex tissimplifika l-proċessi. “Minflok tissimplifikahom, qed iżid aktar il-burokrazija u tagħmel il-proċessi kkomplikati għaċ-ċittadin.”
//= $special ?>